5 modi kif iżżomm lil uliedek okkupati bla ma jmissu l-mowbajl jew tablet
It-tfal tal-lum twieldu fid-dinja tal-internet u tat-teknoloġija. Sa minn mindu jiftħu għajnejhom jaraw lil dawk ta’ madwarhom jużaw apparat differenti bħal laptops, mowbajls u tablets, u għalhekk ma jistax jonqos li anki huma jkunu jixtiequ jagħmlu l-istess ħaġa iktar kemm jikbru. Bil-konsegwenza li anki qabel ma jitilqu jimxu jkunu diġà jafu jużaw ċerti applikazzjonijiet tal-mowbajl jew tat-tablet. U din l-abbiltà tikber u l-ħin li jgħaddu b’dan l-apparat f’idejhom jiżdied iktar kemm jgħaddi ż-żmien. Sa jasal dak il-mument meta kważi kważi nkellmuhom u jibdew ma jagħtux kasna għax moħħhom ikun għodos fid-dinja virtwali li jaf joffrilhom l-internet.
Iżda hemm modi kif nistgħu nrawmu lil uliedna jżommu ’l bogħod mill-mowbajls u mit-tablets, jew għallinqas inaqqsu drastikament mill-ħin li jgħaddu bl-attenzjoni tagħhom fihom:
- Għat-tfal ta’ età żgħira hemm l-idea tal-Game Box. Kulma trid tagħmel hu li timla kaxxa b’affarijiet li t-tifel jew tifla tiegħek jistgħu jilagħbu bihom waħedhom, fosthom kotba li jpinġu fuqhom, karti tal-logħob jew puzzles ħfief. Tista’ wkoll tgħid lil uliedek jagħżlu huma l-oġġetti li jridu jpoġġu fil-kaxxa tal-logħob jum qabel ħalli jkollhom lejn xiex iħarsu ’l quddiem b’entużjażmu;
- Staqsi lit-tfal tiegħek biex jgħinuk fix-xogħol li tkun qed tagħmel, kemm jekk tkun qed issajjar kif ukoll jekk tkun qed tnaddaf id-dar. Importanti li tagħtihom xogħol li kapaċi jagħmlu. Għal tfal ikbar tista’ tgħidilhom iqattgħu ċertu ħaxix għall-borma, jikinsu jew joħorġu l-borża tar-riċiklaġġ;
- Agħti lil uliedek ġugarelli kreattivi bħal Lego, puzzles, play-dough u affarijiet simili. Dawk iżommu lit-tfal okkupati għal ħin twil u fl-istess ħin isaħħu l-kreattività tagħhom;
- Fittex ma’ uliedek xi materjali bħal biċċiet tal-injam, tal-jablow, flieken tal-plastik, rollijiet tat-toilet paper, kaxxi vojta tas-cereal li ssoltu jintremew. Bihom tistgħu tibnu flimkien xi skultura jew tip ta’ binja simmetrika u oriġinali. Dan isaħħaħ ukoll ir-relazzjoni bejn ġenituri u wlied;
- L-ulied jistgħu jkabbru l-ħxejjex jew fjuri tagħhom fi qsari apposta jew jedhew b’esperimenti xjentifiċi ħfief.