5 pariri siewja biex niskansaw kemm nistgħu l-Mpox
Il-virus tal-Mpox f’dawn l-aħħar jiem seraq ix-xena tal-aħbarijiet nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali. Skont il- World Health Organisation (WHO), dan il-virus nibet fl-1970 ġewwa l-Congo. F’dan il-pajjiż, il-virus minn dejjem kien ttraskurat.
Fil-15 ta’ Awwissu 2024, individwu bejn it-30 u l-40 sena fl-Iżvezja ġie mgħarraf li għandu l-Mpox wara li ġie minn pajjiż Afrikan. Hemm pajjiżi oħra Ewropej fejn ġew irrappurtati iktar każijiet tal-Mpox. Is-sintomi komuni ta’ dan il-virus huma: deni,uġigħ fil-griżmejn / muskoli / dahar, raxx u enerġija baxxa. Minkejja li jeżistu trattamenti għal dan il-virus, il-WHO tagħti parir lill-pajjiżi Ewropej sabiex joqogħdu attenti ħalli l-virus jinfirex mill-anqas.
F’dawn l-aħħar jiem, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ikkonferma li kien hawn każ tal-Mpox f’pajjiżna wkoll. Tajjeb li wieħed ikun jaf li hemm żewġ tipi ta’ fergħat li jiffurmaw l-Mpox, dak magħruf bħala Clade I u l-ieħor bħala Clade II. Il-każ li ġie identifikat f’Malta huwa tat-tip Clade II. Dan tal-aħħar mhux aħrax daqs Clade I u huwa inqas perikoluż. Ftit jiem wara ħareġ każ ieħor li ġie trażmess sesswalment. Il-miżuri meħtieġa fuq dawn il-persuni ttieħdu minnufih.
Fi stqarrija li ħareġ il-Ministeru dawn l-aħħar jiem, ġew msemmija xi punti importanti sabiex il-virus ma jitteħidx u ma jinferixx. Biex il-pubbliku in ġenerali jipprevjeni il-mard, għandu:
- Jkollu kuntatt mill-inqas ma’ nies li jkollhom xi raxx simili għal tal-Mpox.
- Jevita li jkollu x’jaqsam sesswalment mingħajr protezzjoni.
- Jżomm idejh nodfa u juża sanitizers alkoħoliċi fejn hu possibli.
- Ma jaqsamx oġġetti personali bħal xugamani jew ħwejjeġ ma’ ħaddieħor
- Jirrikorru għal parir mediku jekk jintebaħ li kellu kuntatt ma’ min għandu l-virus.
L-istess Ministeru rrefera li ser iżomm il-pubbliku aġġornat kemm-il darba jkun hemm xi żviluppi fuq dan il-virus. Għaldaqstant wieħed għandu jsegwi dawn il-punti sabiex kulħadd jieħu ħsieb lil xulxin.