6 modi kif tagħmel paċi meta tħossok iddispjaċut
Id-dispjaċir hija xi ħaġa li kollha kemm aħna naffaċċjaw f’xi mument f’ħajjitna. Forsi wara li nixtru xi ħaġa mingħajr ma naħsbu jew nirriċerkaw sew dwarha, jew wara li niddeċiedu li nirrifjutaw xi xogħol jew li ma nixtrux dik id-dar li forsi kienet għoġbitna ħafna.
Id-dispjaċir jista’ joħloq piż tqil fuq moħħna, madanakollu hemm modi kif nistgħu ntaffu dawn is-sentimenti xi ftit tqal. Studju riċenti li jġib l-isem ta’ “Reining in regret: emotion regulation modulates regret in decision making” jgħid li huwa possibbli li noħolqu stampa ġdida f’moħħna tad-deċiżjonijiet li ħadna fil-passat biex innaqqsu l-impatt emottiv tagħhom.
- Id-dispjaċir huwa sentiment universali – kulħadd jgħaddi minnu u meta nirrealizzaw dan inħossuna xi ftit inqas waħedna.
- Oħloq immaġni differenti tad-deċiżjoni li ħadt – minflok tiffoka fuq x’mar ħażin, ħares lejn il-kuntest kollu li fih ħadt dik id-deċiżjoni.
- Ħares lejn il-ħajja bħala “portfolio” – din l-istrateġija tinkoraġġina nħarsu lejn il-ħajja bħala serje ta’ investimenti. Mhux kull għażla li nagħmlu se tkun perfetta, iżda l-għan huwa li jkun hemm aktar rebħ milli telf.
- Evita l-mentalità li tħares lejn deċiżjoni bħal qisha ħajja jew mewt – minflok ħares lejn kull deċiżjoni bħala għażla waħda minn ħafna għażliet li se jkollok bżonn tagħmel f’ħajtek.
- Irrifletti fuq il-proċess li tuża biex tagħmel id-deċiżjonijiet tiegħek – jekk kien hemm loġika wara d-deċiżjoni tiegħek, m’hemmx bżonn tħossok ħażin.
- Antiċipa s-sentiment ta’ dispjaċir qabel ma’ tagħmel deċiżjoni – qabel ma tiddeċiedi, aħseb dwar x’inhi l-aktar għażla li kapaċi jiddispjaċik dwarha.