7 pariri biex ikollok relazzjoni b’saħħitha u sana
Meta nidħlu f’relazzjoni, kollha kemm aħna nkunu rridu kemm jista’ jkun li din tkun ta’ suċċess. Nifhmu li hemm affarijiet li rridu nkunu kapaċi nagħtu u affarijiet li rridu naraw li nirċievu sabiex ir-relazzjoni tagħna tkun ta’ suċċess, dejjem tissaħħaħ u tibqa’ sana matul is-snin. Hawn taħt se ngħidulkom serje ta’ pariri relatati ma’ dan.
- Ara li tibqa’ awtentiku – “be yourself” jgħidu l-Ingliżi. Tippruvax tkun xi ħadd differenti minn dak li verament inti.
- Taħsibx ħażin, il-ħin kollu – xi kultant kull ħaġa li tiġri madwarna, moħħna jiġri bina u nibdew mill-ewwel naħsbu ħażin. Huwa importanti li tipprova ma taħsibx ħażin mill-ewwel iżda tifhem u tistaqsi fejn forsi tixtieq aktar kjarifiki.
- Ikkomunika dejjem – ħadd m’hu kapaċi jaqra l-imħuħ allura jekk hemm xi messaġġ li tixtieq tgħaddi trid tgħaddih billi titkellem dwaru. Ara wkoll li s-sieħeb jew sieħba tiegħek jagħmel l-istess. Nuqqas ta’ komunikazzjoni jwassal biss għal kunflitti.
- Kompli ltaqa’ ma’ sħabek – importanti li l-ħbiberiji li kellek qabel ir-relazzjoni ma twaqqafhomx ħabta u sabta. Jekk ir-relazzjoni għal xi raġuni jew oħra tintemm, tispiċċa waħdek. Apparti minn hekk, tkunx diffiċli mas-sieħeb jew sieħba tiegħek jekk ikunu jixtiequ jqattgħu ftit ħin waħedhom ma’ sħabhom. Huwa importanti li wieħed iżomm il-bilanċ bejn l-affarijiet li jsiru flimkien u affarijiet li jsiru separatament.
- Tqabbilhomx ma’ persuni oħrajn – forsi fil-passat għaddejt minn esperjenzi koroh li xi ftit ħallewk trawmatizzat jew anzjuż. Ma jfissirx li l-persuna li qed toħroġ magħha issa se tgħaddik mill-istess problemi tal-passat. Kemm jista’ jkun ħares lejha bħala persuna unika mingħajr ħafna ġudizzji żejda.
- Tistħix titkellem dwar l-intimità u s-sess – dawn huma parti essenzjali minn kull relazzjoni. Huwa importanti li tesprimi l-interessi tiegħek fejn jidħlu l-intimità u s-sess u tisma’ wkoll ix-xewqat u l-preferenzi tas-sieħeb jew sieħba tiegħek.
- Evita li jkollok konverżazzjonijiet importanti fuq chat – għandna vizzju li nkunu rridu niddiskutu affarijiet importanti fl-immedjat, anke jekk il-persuna ma tkunx viċin tagħna. Nispiċċaw nitkellmu permezz ta’ chat u sfortunatament nispiċċaw ħaġa ċkejkna li forsi b’diskussjoni wiċċ imb’wiċċ kienet toħroġ aħjar, fuq chat tispiċċa tikber ħafna aktar milli hemm bżonn. Ara li konverżazzjonijiet importanti tagħmilhom wiċċ imb’wiċċ.