7 pariri essenzjali għal dawk li għandhom xi annimal domestiku
Għandek xi annimal domestiku fid-dar tiegħek jew qed tippjana li ġġib xi annimal domestiku? Hawn taħt se naqsmu magħkom ftit pariri ġenerali biex tassigura li l-annimal domestiku tiegħek iħossu kuntent u sikur.
1. Itmagħhom ikel nutrittiv
L-annimali għandhom bżonn dietà adegwata għall-ispeċi tagħhom u l-bżonnijiet individwali. L-ikel tal-klieb huwa magħmul biex jittiekel mill-klieb biss, u l-istess l-ikel tal-qtates. Evita li tagħti ikel uman lill-klieb, partikolarment jekk jinkludi fih melħ, tewm jew basal. Importanti wkoll li tikkontrolla l-porzjoni biex telimina riskji ta’ obeżita.
2. Ara li jkollhom aċċess għal ilma nadif
Bħall-umani, l-annimali għandhom bżonn aċċess għal ilma frisk u nadif ta’ kuljum. Ara li tipprovdilhom ilma b’mod regolari. Jekk għandek ħut jew fkieren, ara li tnaddafilhom it-tank ta’ spiss.
3. Ipprovdilhom post sikur
L-annimali għandhom bżonn post sikur u komdu fejn jgħixu. Il-qtates għandek iżżommhom fuq ġewwa u lill-klieb għandek tipprovdilhom xi sodda apposta għalihom. Ara li jkunu protetti mit-temp u li jħossu li għandhom post sikur li jipproteġihom.
4. Ara li tgħallimhom fejn jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom
Biex iżżomm id-dar kemm jista’ jkun nadifa, għandek tieħu ż-żmien neċessarju biex tgħallimhom fejn għandhom jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom. Il-qtates fil-litter box u l-klieb waqt il-mixja ta’ kuljum. Ara li żżomm il-post iddedikat għal dan nadif biex tevita ħmieġ fid-dar u riskju għas-saħħa tiegħek u tal-annimal domestiku tiegħek.
5. Żommhom attivi
L-annimali jħobbu jilgħabu u allura għandek tara li ta’ kuljum ikun hemm ħin iddedikat għal dan. Kemm jekk toqgħod tilgħab magħhom, jew inkella toħroġhom xi passiġġata.
6. Ara li toħodhom għand il-veterinarju b’mod regolari
Jekk tixtieq tara li l-annimal domestiku tiegħek ikun dejjem fl-aqwa tiegħu, huwa tajjeb li kull tant żmien tieħdu għand il-veterinarju għal vista rutina biex b’hekk tassikura li m’għandu xejn li jista’ jikkawża inkwiet.
7. Sewwihom fejn tista’
Meta tisterilizza jew issewwi l-annimali tkun qed tgħin fil-prevenzjoni taż-żieda eċċessiva fil-popolazzjoni ta’ dan l-annimal, partikolarment il-qtates.