8 benefiċċji għalina meta nrabbu pet
Il-bniedem irid il-kumpanija u l-imħabba, imma anki ħafna annimali domestiċi għandhom l-istess bżonnijiet. Mela meta niddeċiedu li nrabbu kelb, qattus, xi fenek tal-indi u iktar, inkunu qed nagħtu opportunità lil annimal biex jgħix ħajja aħjar – dejjem jekk nieħdu ħsiebu kif suppost -, imma nkunu qed nakkwistaw numru ta’ benefiċċji, kemm fiżiċi kif ukoll mentali, anki aħna bħala bnedmin.
Pets bħalma huma l-klieb u l-qtates evolvew b’tali mod li jifhmu aħjar l-emozzjonijiet u l-mod kif iġib ruħu l-bniedem. Il-klieb l-iktar, kapaċi jifhmu numru ta’ kliem li nużaw aħna, imma anki t-ton tal-vuċi u l-mod kif niċċaqalqu.
Fost il-benefiċċji li nistgħu nakkwistaw meta nrabbu pet insibu:
- Jistgħu jnaqqsu l-istess, l-anzjetà u d-dipressjoni fil-bniedem;
- Itaffu mis-sens ta’ solitudni li xi wħud minna nbatu minnu;
- Jinkuraġġixxu fina l-eżerċizzju fiżiku u anki l-pjaċir tal-logħob. Il-logħob mal-pet tagħna jaf jiġġenera kimiċi f’ġisimna li jgħinuna nirrilassaw u nikkalmaw;
- Dawk li batew minn attakk tal-qalb u li kellhom pet għexu iktar minn dawk fl-istess sitwazzjoni imma li ma kellhomx pet;
- Jistgħu jtejbu s-saħħa kardjovaskulari tagħna, anki billi jnaqqsu l-pressjoni tad-demm;
- It-tfal li jieħdu ħsieb pet jistgħu jakkwistaw sens ta’ sikurezza ikbar u jkunu iktar attivi;
- L-anzjani jsibu kumpanija fil-pet li jrabbu. Hemm ukoll studji li jgħidu li anzjani li għandhom iktar minn 65 sena u għandhom pet iżuru lit-tabib 30% inqas minn dawk tal-istess età li m’għandhoms pet;
- Pet jaf jintroduċi f’ħajjitna sens ġenwin ta’ kuntentizza u mħabba.
Minn dan kollu naraw li l-pets iħallu effetti terapewtiċi fuqna l-bnedmin u għax jissodisfaw wieħed mill-bżonnijiet ewlenin tagħna: li mmissu b’idejna, ngħannqu u nħaddnu. Tant hu hekk li ġiet innutata bidla drastika fl-imġiba ta’ kriminali primi maqfulin fil-ħabs meta ġew f’kuntatt ma’ pet u ħassew għall-ewwel darba sens ta’ mħabba jew ġibda emozzjonali reċiproka.
Instab ukoll li l-pets jgħinu ħafna lil tfal li jbatu b’kundizzjoni ta’ awtiżmu ladarba dawn jikkomunikaw l-iktar b’modi mhux verbali bħalma jagħmlu l-annimali.
Inti għandek pet id-dar? Kif tħossok meta tkun miegħu?
(Sors: helpguide.org)