8 fatti li x’aktarx ma kontx taf fuq iż-żiemel

 8 fatti li x’aktarx ma kontx taf fuq iż-żiemel

Kull annimal għandu s-sbuħija u l-karatteristiċi tiegħu. L-annimali minkejja kollox kapaċi jkunu l-aqwa ħabib tal-bniedem, anke jekk ma jitkellimx verbalment. Annimal ħlejju u interessanti huwa ż-żiemel u llum ser naraw xi aspetti li jikkaratterizzaw lil dan il-ħlejqa.

  1. Iż-żiemel ma jinsiex!

Il-memorja taż-żiemel mhix waħda ċkejkna. Ħafna mill-atteġġjamenti tiegħu huma riżultat ta’ dak li jkun għadda matul ħajtu. Fil-fatt, waqt l-irqad, iż-żiemel jerġa’ jgħaddi minn moħħu dak li jkun għamel matul il-ġurnata u jaħżnu fil-memorja tiegħu.

  1. Iħobb ikun jaf

Iż-żiemel huwa meqjuq bħala annimal insigur u mistħi. Għaldaqstant, hija fin-natura tiegħu li jfittex li jifhem dak li jkun għaddej madwaru speċjalment jekk isib ruħu f’ambjent ġdid. Għalih dan kollu importanti għaliex jgħinu jipprepara ruħu kemm-il darba tinqala’ xi sitwazzjoni perikoluża.

  1. Huwa protettiv

Fil-verità iż-żiemel mhux annimal individwalist. Il-kumpanija ta’ żwiemel oħra tagħtih ċertu kumdità. Huwa lest li jipperikola ħajtu biex jipproteġi żwiemel oħra.

  1. Sensittiv għat-temp

Iż-żiemel imdorri jantiċpa ruħu minn qabel jekk ixomm xi forma ta’ periklu. Tant hu hekk li jjekk tkun riesqa xi maltempata, jkun wieħed mill-ewwel li jinduna. Fil-fatt, meta dan iseħħ tkun tista’ tinnota kemm żiemel ikun nervuż u kapaċi jkun ukoll xi ftit aggressiv.

  1. Jikkomunika b’widnejh ukoll

Żiemel ma jikkomunikax biss xħin jiżher. Grazzi għall-għajnejn imma anke għall-widnejn, ż-żwiemel jikkomunikaw ħafna bejniethom. Biss biss, hemm xejn inqas minn 16-il muskolu li jmexxu sal-inqas ċaqliqa ta’ widnejh. Bil-moviment ta’ widnejh flimkien ma’ dak t’għajnejh, iż-żiemel ikun jista’ jħoss, javża, imma anke jesprimi ħafna emozzjonijiet kemm ta’ ferħ, ta’ rabja  u anke ta’ biża’.

  1. Jara tajjeb ħafna

Il-viżjoni taż-żiemel hija qawwija ħafna. Il-mod kif inhuma mfassla  għajnejh jara sa 340o . Mid-dehra, dak li tara l-għajn ix-xellugija ma tarahx il-leminija.

  1. Mhux dejjem jorqod bilwieqfa

Jekk ikun jista’, żiemel jippreferi jimtedd fuq ġenbu. Madanakollu, jekk għal xi raġuni jew oħra ma jkunx possibli, jieħu ngħasa anke bilwieqfa.

  1. Snienu dejjem jikbru

Snien iż-żiemel ma jieqfu jikbru qatt, għall-inqas sa għoxrin sena ħajja. fil-verità jekk wieħed irid jiskopri kemm għandu żmien żiemel għandu jħares lejn snienu. Dawn tal-aħħar juru wkoll x’tip ta’ ikel dejjem kiel kif ukoll il-mod ta’ kif qatta’ ħajtu.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com