9 raġunijiet għaliex persuna tigdibliek skond espert
Tiġi ġieli f’sitwazzjonijiet fejn tinduna li persuna partikolari tkun qed tigdiblek? Xi maħbub jew maħbuba, xi membru tal-familja jew xi ħabib. Jgħidulek kelma minflok oħra, mingħalihom li forsi ma tafx il-verità. Jekk ma tkunx taf il-verità, probabbli temminhom b’għajnejk magħluqa. Jekk tkun taf il-verità tibda tgħid, imma għaliex qed jigdbu?
Dan kien wieħed mis-suġġetti prinċipali li studja Paul Ekman, psikologu u espert Amerikan li kien wieħed minn tal-bidu fir-riċerka dwar l-emozzjonijiet umani u l-espressjonijiet tal-wiċċ li jmorru magħhom. Hu meqjus bħala wieħed mill-100 psikologi li l-aktar ġew ikkwotati matul is-seklu 20.
Issa li tafu min hu…ħa ngħidulkom xi tgħid ir-riċerka tiegħu dwar ir-raġunijiet għaliex persuna tigdiblek:
- Biex jevitaw xi kastig jew konsegwenza.
- Biex jakkwistaw xi ħaġa li jekk ma jigdbux ma jaslux għaliha – bħal meta f’intervista jgħidu li għamlu aktar affarijiet milli verament għamlu biex jakkwistaw xi xogħol.
- Biex jipproteġu lil xi ħadd ieħor milli jeħel xi kastig.
- Biex jipproteġu lilhom innifishom minn danni fiżiċi – speċjalment meta jkunu qed jaffaċċjaw xi stranġier jew persuna li jafu li hija perikoluża.
- Biex jirbħu l-ammirazzjoni tan-nies – meta jżejnu storja u jbiddlu l-fatti tagħha sabiex joħorġu aħjar.
- Biex jaħarbu minn sitwazzjoni xi ftit antipatka – bħal joħorġu b’xi skuża ta’ li għandhom emerġenza u se jkollhom jitilqu.
- Biex jevitaw li jħossuhom imbarazzati.
- Biex iżommu privatezza madwar deċiżjonijiet personali – eżempju xi koppja li tgħid li żżewġu b’mod sigriet jgħidu li għamlu hekk biex jiffrankaw l-ispejjeż tat-tieġ meta r-realtà kienet li ma xtaqux jistiednu ċertu membri tal-familja.
- Biex iħossuhom li għandhom aktar poter fuq ta’ madwarhom billi jikkontrollaw l-informazzjoni li tasal għandhom.