Affarijiet li trid tarmi mid-dar jistgħu jkunu teżori għal ħaddieħor!
Kbira kemm tkun kbira d-dar fejn toqgħod, dejjem tasal f’dak il-punt meta tibda tara ċerti affarijiet fiha żejda. Affarijiet li sa ftit taż-żmien qabel kienu bżonnjużi u jintużaw kuljum isiru f’daqqa waħda imbarazz. Ħalliha mbagħad l-oġġetti li inti tqis bħala imbarazz dejjem jafu jsibu lil min jinteressa ruħu fihom u jiksibhom b’xi mod jew ieħor hu jew hi.
Fost dawn l-affarijiet li f’xi ħin jew ieħor idejquna anki għax jokkupaw spazju li nistgħu nużaw aħjar insibu għamara ‘antika’, ħwejjeġ li ħarġu barra mill-moda jew li m’għadhomx jiġuna, affarijiet differenti tal-fajjenza fosthom platti, tazzi, kikkri spareġġjati, oġġetti teknoloġiċi u elettroniċi bħal kompjuters, video recorders, dvd players, settijiet tar-radju jew cassette players li għadda żmienhom, u mitt elf ħaġa oħra.
Min jaf kemm minna armejna mwejjed, siġġijiet, inkwatri, sottospekkji, buqari, friskaturi, oġġetti varji tar-ram jew tal-ħadid, għodda antika, kontenituri tal-ħġieġ ta’ għamla u kobor differenti, vażuni, imma anki fannijiet li ssaddu u ġġamjaw, linef, bozoz tal-filament, mirja, sodod tal-ħadid jew tar-ram, pultruni, sufani, u l-bqija.
Kemm inċemplu lill-kunsill lokali biex jiġi tal-bulky u l-‘imbarazz’ li jkun ilu fuq l-istonku tagħna min jaf kemm jitgħabba fuq vann u ma narawhx iktar. Hemm min jgħid li meta jrid jeħles malajr mill-imbarazz joħorġu fid-drive-in jew fuq il-bankina u sa ftit ħin wara jkun diġà nġabar minn xi persuna interessata anonima.
L-imbarazz tagħna jaf jinteressa sewwa r-regettiera li jafu jirrestawrawh u jbigħuh bi prezz vantaġġjuż lil ħaddieħor. Oġġetti u għamara antika li aħna narmu jafu faċilment isibu ruħhom restawrati u mpoġġija f’xi farmhouse moderna. Hemm min dak li hu żejjed għalih jieħdu għand ħwienet apposta – iċ-charity shops – biex dan jinbiegħ bi prezz baxx u l-flus li jinġabru jmorru għall-karità.
Tmur fl-impjanti tar-riċiklaġġ bħal dawk li hemm l-Imrieħel jew Ta’ Qali tara kemm narmu affarijiet! Uħud minnhom ikunu għadhom jaħdmu u tajbin, imma s-soċjetà tal-lum tistedinna narmu t-tajjeb biex nixtru l-modern u l-attrajenti.
Liema huma l-oġġetti li tixtieq teħles minnhom?