Aġenzija tal-ajru partikolari twissi f’rabta mal-użu ta’ bagalji suwed, blu skur u griżi
Waħda mill-affarijiet li ħafna minna nobogħdu nagħmlu hija l-ħin li nqattgħu nistennew il-bagalji wara li naslu lura minn barra u ninżlu mill-ajruplan. L-ewwel ma nagħmlu hu li niċċekkjaw fuq il-monitors fejn eżattament se nistennew il-bagalji jaslulna fuq il-conveyor belt. Imbagħad il-ħin tal-istennija, it-tensjoni li taf taħkimna sakemm naraw il-bagalja jew balalji tagħna jitfaċċaw u joqorbu waħda wara l-oħra u bil-mod il-mod lejn fejn inkunu ppostjati biex niġbruhom, u jekk kollox imur tajjeb il-mixja barra mill-exit lejn il-parking jew fejn ikun hemm tat-taxis biex joħduna lura d-dar.
Imma mhux dejjem kollox imur ward u żahar. Nafu li meta nkun qed nistennew li niġbru l-bagalji tagħna quddiemna jitfaċċaw bosta oħrajn li jkunu jew eżattament bħal tagħna jew jixbhuhom. Għalhekk mhux l-ewwel darba li spiċċajna bi żball qbadna xi bagalja ta’ ħaddieħor. Hemm min saħansitra ma sabx il-bagalja tiegħu għax tkun ittieħdet bi żball minn ħaddieħor li ma ċċekkjax sewwa ismu fuq it-tikketta li s-soltu nwaħħlu mal-bagalji tagħna.
Kemm jinħolqu problemi u wġigħat ta’ ras meta jiġri dan! Inkwiet żejjed għax fil-bagalja jkollna ħwejjeġ għal qalbna, kjujijiet u telefonati twal mal-baggage reclaim jew mal-insurance, u iktar.
Minn studji li saru reċentement instab li dan iseħħ l-iktar b’bagalji lewn iswed, blu skur jew griż. Għalhekk, kumpanija tal-ajru partikolari ssuġġeriet lill-passiġġiera biex jużaw bagalji b’kuluri differenti, anki partikolari, li jkunu jistgħu jintgħarfu iktar faċilment. Suġġeriment ieħor kien dak li mal-bagalji tagħna nwaħħlu żigarelli partikolari, jew xi sticker, biex jgħinuna nagħrfu aħjar il-bagalja li tkun tagħna.
Wissew ukoll li ż-żigarelli m’għandhomx ikunu twal ħafna ladarba dawn jistgħu itellfu fil-proċess ta’ meta l-bagalji jitħottu mill-ajruplan u jintefgħu fuq il-conveyor belt. Ta’ min jiftakar li f’Ġunju tal-2024, 19.3 miljun persuna vvjaġġat fuq kumpanija tal-ajru partikolari u li għamlet mal-106 elf titjira. Għandna wkoll naqilgħu kull sticker li tkun twaħħlet fuq il-bagalji matul titjiriet preċedenti.
Inżommu dawn is-suġġerimenti f’moħħna ħalli ma nikkumplikawx l-affarijiet matul is-safra tagħna.