Ara naqra kif inbidlet! Malta tal-lum jew tal-bieraħ?

 Ara naqra kif inbidlet! Malta tal-lum jew tal-bieraħ?

Hemm fostna l-Maltin li jafu kif kienet Malta fis-snin ’50, ’60, ’70 u ’80 tas-seklu li għadda. Iktar kemm timxi lura fiż-żmien iktar tisma’ nies jgħidu li r-raba’ kienet ħafna  iktar u l-bini u karozzi fit-triq kienu ħafna inqas. Jgħidulek ukoll li fl-imgħoddi kellna inqas kumditajiet u flus fil-but, konna narmu u naħlu inqas, anki għax pereżempju l-ħalib u s-soft drinks kienu jiġu fil-fliexken tal-ħġieġ. Bħala tfal konna nqattgħu iktar ħin nilagħbu barra fit-toroq jew fl-għelieqi tal-madwar mal-ħbieb tal-kwartier milli maqfulin ġewwa wiċċna mwaħħal mal-mowbajl jew mat-tablet.

Bħala popolazzjoni konna ħafna inqas u t-toroq inqas affullati. Il-villaġġi jew bliet żgħar kienu iktar maqtugħin minn xulxin, imma xorta waħda konna nsibu l-bżonnijiet ta’ kuljum mill-ħwienet tal-lokali li kienu żgħar imma anki postijiet fejn tista’ tgħid kelma man-nies tar-raħal inti u tistenna biex tinqeda.

Kienet Malta fejn id-djar kienu djar u l-blokkijiet tal-appartamenti, ħafna minnhom daqs gabuba jew f’għamla ta’ kerrejja moderni, kienu ħafna inqas. Għalhekk il-bini li konna naraw madwarna kien inqas u ma jogħliex tant li jasal biex jisraq saħansitra d-dawl tax-xemx u l-ikħal tas-sema. Kienet Malta fejn l-arja kienet iktar nadifa f’bosta mill-postijiet.

Imma, kien hemm ukoll il-power station tarmi dħaħen kbar u eluf mad-dawra kienu jikinsu t-trab iswed minn fuq il-bjut jew minn quddiem il-bieb tad-dar tagħhom. Kien ukoll żmien meta fejn jidħlu ndafa u saħħa ma konniex avvanzati daqskemm aħna llum. Min minna jiftakar li l-ħitan tad-djar kienu jinksew bil-powsters politiċi fi żmien l-elezzjonijiet ġenerali, flimkien ma’ taħżiż ieħor tipo “Ivvota lil dak” u “Vote dik”? Min jiftakar li kien hemm iktar irkejjen fil-kampanja u mhux biss li kienu jinbidlu f’miżbliet żgħar ladarba ma kienx hawn liġijiet jipproteġu l-ambjent?

Illum Malta mxiet sewwa ’l quddiem. Għandna s-supermarkets mimlijin bil-barka t’Alla, apparti ħwienet oħra ta’ kull tip minfejn nixtru dak kollu li nixtiequ. It-toroq huma moderni u kollox jintlaħaq bla ħafna problemi. Imma… Kull żmien għandu s-sabiħ u l-ikrah tiegħu.

Inti x’taħseb?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com