Attività għall-familja kollha fil-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar!
Iva, sewwa smajtu, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru 2024 se tkun qed tittella’ attività għall-familja kollha f’Ħaż-Żabbar. It-tielet edizzjoni ta’ Lejla fil-Park se tkun qed issir fil-Park ta’ San Klement bejn is-6pm u l-10:30pm.
Lejla fil-Park hija attività bla ħlas li se tkun qed tiffoka fuq il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli f’diversi oqsma, inkluż is-saħħa u l-benesseri, komunitajiet sikuri, u l-protezzjoni ambjentali. Dawk li jattendu ser ikollhom iċ-ċans li jiltaqgħu ma’ rappreżentanti minn entitajiet Governattivi, inklużi l-korpi tas-sigurtà u l-infurzar, u jitgħallmu dwar servizzi għall-komunità filwaqt li jgawdu minn attivitajiet interattivi favur l-ambjent.
L-avveniment jista’ jitgawda mill-familja kollha u ser tinkludi attivitajiet bħal korsa ta’ ostakli, wirjiet ta’ talenti sportivi, logħob, u divertiment għat-tfal. Ser ikun hemm ukoll ikel tradizzjonali Maltipprovdut mill-Biċċerija Pubblika.
L-avveniment qed jiġi organizzat mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan il-MEER bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet relatati mal-Jiem ta’ Azzjoni favur l-Iżvilupp Sostenibbli, bit-tema, ‘Insawru flimkien il-futur li rridu’.
Ser narawkom hemm?