Buffet jew à la carte?
Nieħdu għalina jekk jgħidulna poplu wikkiel? Ninnegawha jekk jgħidu li l-ħwienet tal-ikel, ir-ristoranti, il-kafetteriji, il-ġelateriji, huma abbundanti f’pajjiżna u mifqugħin bin-nies? Hu minnu li aħna poplu li jħobb lil żaqqu, bl-ikel parti importanti f’ħajtu.
L-okkażjonijiet meta noħorġu biex nieklu barra huma ħafna. Aħna poplu li jħobb jiltaqa’ kultant żmien mal-persuni li jħobb jew b’xi mod għandu għal qalbu. Daqqa għax wasal xi birthday, daqqa xi ikla għall-Milied, daqqa għax ġew xi qraba mill-Awstralja jew mill-Kanada, daqqa biex niftħu sena oħra ta’ ħidma flimkien, u daqqa biex niċċelebraw bħala staff l-għeluq tas-sena skolastika. Kollha huma skuża valida biex niltaqgħu u ngħidu kelma jew iktar madwar mejda waqt xi buffet jew ikla à la carte.
Hemm min jgħidlek li l-flus li tħallas għal buffet huma worth it ladarba mbagħad ikollok għażla mdaqqsa ta’ ikel, fosthom l-istarters, il-brodu, imbagħad il-platt ewlieni fejn tista’ tagħżel fost laħmijiet differenti, id-deżerta u l-frott. Għal bosta minna l-buffet huwa festa mħawra ta’ togħmiet, irwejjaħ u lwien differenti. Tħares biss lejn il-bankijiet mifruxin b’dixxijiet differenti – il-ħxejjex, il-prieżet, il-ħobż, il-ġobniet, is-sopop, il-patata u z-zlazi varji, il-ħelu varjat, mill-kejk taċ-ċikkulata għal merengues u anki varjetà ta’ ġelati u ħelu tipikament Malti bħal imqaret u qagħaq tal-għasel, skont l-istaġun – iqabbdek ġuħ ta’ lupu!
Minkejja din l-abbundanza, hemm min jibżà mill-buffet għal raġunijiet differenti: min jgħid li minn ħdejn id-dixxijiet tal-ikel jgħaddu bosta nies u għalhekk jitqażżeż jew jibża’ li jibla’ xi infezzjoni; oħrajn li huma iktar konxji tal-figura u tas-saħħa tagħhom jgħidulek li buffet hu tentazzjoni kbira u allura aħjar ma jersqux lejh.
Allura hemm min imur għal ikla à la carte. Ngħiduha kif inhi, din hija iktar romantika, personali, partikolari u forsi ppreparata b’iktar attenzjoni, għalkemm mhux bilfors. Ikla à la carte hi ppreferuta minn koppja li tixtieq tgħaddi ftit ħin għall-kwiet filwaqt li jgħidu kelma u jtiegħmu platt jew tnejn tajbin bla għaġla u affullar ta’ xejn. Jew le?
Inti x’tippreferi: buffet jew à la carte?