Dak kien żmien! Il-personaġġi televiżivi li kbirna magħhom
Is-snin ’80 u bidu tas-snin ’90 kienu żmien meta konna għadna ma nafux b’internet u bosta mill-ħin tagħna konna nqattgħuh anki nsegwu t-televiżjoni Taljana. Kienet importanti għal dawk li jsegwu l-futbol Taljan. Kienet importanti għall-mara Maltija li kienet issib kumpanija fil-bosta programmi varjati li kienu joffru l-kanali televiżivi Taljani. Kienet importanti wkoll għalina t-tfal li min jaf kemm mijiet ta’ sigħat qattajna nsegwu kartuns u serje televiżivi ta’ kull tip.
Għiduli taqbadkomx ċerta nostalġija meta niftakru f’uħud mill-personalitajiet magħrufa li konna mdorrijin insegwu regolarment fuq it-tv Taljana? Nibda mill-programmi li kienu jħobbu t-tfal. Insemmi żewġ personalitajiet familjari: Paolo Bonolis u Cristina d’Avena. Tal-ewwel iltqajna l-ewwel darba miegħu waqt programm bħal Bim Bum Bam. Lil Cristina D’Avena nafuha l-iktar permezz ta’ leħinha ladarba kienet il-kantanta wara bosta mill-kanzunetti tal-kartuns li konna naraw, fosthom I Puffi u Kiss me Licia. Anki hi kienet wiċċ familjari f’Bim Bum Bam.
Imbagħad ċert li bosta nisa tad-dar kienu jħobbu jsegwu xi kwiżis fuq it-tv Taljana. Żewġt uċuħ li konna drajna tassew kienu Corrado (Il pranzo è servito f’nofsinhar, u La Corrida filgħaxija) u Mike Bongiorno (Pentatlon, Bis, Supermike u La ruota della fortuna). Lil dan tal-aħħar niftakru jirrepeti spiss “Allegria!” Kien hemm ukoll Iva Zanicchi li nafuha anki bħala kantanta b’vuċi b’saħħitha tassew, imma anki bħala konduttriċi ta’ programmi bħal Facciamo un affare u Ok, il prezzo è giusto!
Uċuħ familjari u simpatiċi kienu Raimondo Vianello u martu Sandra Mondaini li flimkien mexxew programmi bħal Attenti a noi due, Sandra e Raimondo Show u l-kwiżż Zig Zag. Imma lilhom nibqgħu niftakruhom l-iktar għas-sitcom Casa Vianello.
Uċuħ maħbubin u qatt minsijin oħrajn huma Piero Angela (fil-programmi xjentifiċi Quark u Superquark), Raffaella Carrà, u aktar tard Heather Parisi u Lorella Cuccarini (ballerini u iktar), Gianfranco D’Angelo, Ezio Greggio, Enrico Beruschi tad-Drive In show, Umberto Smaila tal-Colpo Grosso, imma anki attriċi magħrufa għall-kummiedja Taljana bħal Edwige Fenech.
Inti x’tista’ żżid ma’ dan?