Dan jagħmel tajjeb kemm lis-saħħa fiżika kif ukoll lill-moħħ
Huma l-ħafna li jħobbu jsiefru u jivvjaġġaw. Ir-raġunijiet jistgħu ikunu differenti. L-aktar raġunijiet komuni huma marbuta mar-rilassament, mar-rieda li wieħed jieħu gost jespolora, jissoċċjalizza u anke jżur qraba li jgħixu barra mill-pajjiż.
Il-benefiċċji tal-ivjaġġar huma ħafna u mhux fiżiċi biss. Is-saħħa mentali ta’ individwu tiggwadanja wkoll. Meta individwu jippjana xi vjaġġ, jew inkella jipprepara biex isiefer ma’ xi grupp u jżur postijiet storiċi u kulturali, huwa jkun qed jistimola l-moħħ b’mod pożittiv.
Permezz ta’ esperjenzi ġodda, l-ivjaġġar isaħħaħ it-tagħlim, il-memorja u anke s-sensi. Is-saħħa mentali u dik fiżika jitjiebu wkoll meta wieħed jiddeċiedi li jdur postijiet differenti jew anke jieħu sehem f’xi trails li jinvolvu ħafna mixi qalb in-natura. L-eżerċizzju li bniedem ikun qed jagħmel waqt l-ivjaġġar itejjeb il-funzjonijiet konjittivi bħal ngħidu aħna, l-attenzjoni, l-ippjanar, il-ħeffa u l-kontroll tiegħu nnifsu.
L-ivjaġġar stess iżomm il-muskoli attivi u jibgħat messaġġi lilll-moħħ biex iżommu iffukat. Ta’ min ikun jaf li l-ivjaġġar jgħin fil-ġlieda kontra d-dimensja grazzi anke għar-relazzjonijiet soċjali li wieħed ikollu bżonn jagħmel. Aktar minn dan kollu, l-ivjaġġar iqanqal fil-bniedem sens ta’ kurżita u jġiegħlu jsir jaf aktar dwar kulturi u tradizzjonijiet oħra.
Jkun tajjeb li meta wieħed jivjaġġa jieħu kemm jista’ minn dawn il-benefiċċji. Meta ssiefru toqogħdux lura, tħalltu, tkellmu u esploraw. B’hekk tibbenefikaw fuq livell ta’ saħħa, personali u anke soċjali.