Dawn l-affarijiet jgħinuk sabiex tibqa’ fqir
M’inhix ser ngħidlek x’għandek tagħmel sabiex issir sinjur. Li kieku naf, l-ewwel ma nagħmel hu li nippruvahom jien. Imma nista’ ngħidlek illi jekk tagħmel dawn l-affarijiet , mhux talli mhux se ssir sinjur, talli se tibqa’ tbati sabiex tlaħħaq mal-ħajja
Tippreferi torqod
Għalkemm l-irqad huwa importanti sabiex niċċarġjaw il-batteriji, tajjeb illi ma nħalluhx jieħu r-riedni ta’ ħajjitna. Iktar ma ddum titgħażżen, anqas se jkollok ħin sabiex taħdem, allura inqas se jkollok ħin sabiex taqla’ l-flus
Tħobb tonfoq
Le, m’iniex ngħidlek sabiex tkun qammiel, imma jekk ma tridx li tibqa’ fqir, u li qatt ma jkollok xejn, trid titgħallem kif għandek tonfoq flusek, u titgħallem li l-flus tonfoqhhom skont il-priorita. Issa jekk tippreferi li tonfoq kull ma jkollok, affarik
Ma tfaddal xejn
Naf li mhux dejjem faċli tfaddal, u kultant jiġi xahar li fih jinqalgħu spejjeż minn taħt, imma tajjeb li titgħallem tfaddal xi ħaġa b’mod regolari, anki jekk l-ammont mhux xi kbir wisq.
Kun kburi
Jekk għandek bżonn il-flus, mela trid taħdem. Imma jekk int kburi li trid taħdem biss xogħol ta’ status għoli, mela se tbati. Biex tfaddal, trid tkun lest taħdem, anki xogħlijiet “żgħar”. Wara kollox kull xogħol huwa importanti, u ma fiha xejn ta’ mistħija li tagħmel ċertu xogħol
Tistenna l-mirakli
Apparti fil-bibbja, ftit smajna mirakli iseħħu. Jekk se toqgħod tistenna li jsir xi miraklu u xi ħadd iġiblek xkora Ewro jew li tagħmel xi rebħa tajba, mela nista’ ngħid li se tgħix bit-tama u tmut bil-piena. Dak li tixtieq, trid taħdem għalih, mingħajr ma tistennna xejn mingħand ħadd
Teqred fuq kollox
Inutli tgerger fuq l-iżventura tiegħek, jew li l-ġenituri ma tawkx flus. Qum minn hemm u ara li ssib xogħol
Tonfoq iżżejjed
Jekk tonfoq flusek fi ħwejjeġ jew karozzi sabiex tkun bħal ħaddieħor, mela se tibqa’ fqir. Trid titgħallem li tonfoq u tixtri skont il-but tiegħek. Inutli li tqabbel ruħek ma’ nies li għandhom dħul ħafna akbar minn tiegħek.
Tgawdija biss
It-tgawdija u s-safar sbieħ. Ovvja. Imma dawn ma jistgħux isiru a skapitu ta’ affarijiet essenzjali bħal ħlas ta’ tobba jew li tiċċaħħad minn ikel jew mediċini
Għandek xi vizzji
Sigarett jew xi drink kultant, ma jagħmlekx fqir, imma dawn il-vizzji, fost oħrajn, jafu jwasslu sabiex int ma tfaddalx. Jekk se tibqa tonfoq flusek fuqhom, minflok fuq il-bżonnijiet se tispiċċa qatt ma jkollok xejn