Dawn l-erba’ postijiet huma mmexxija mill-annimali
Min jaf kemm -il darba smajna li l-bniedem ħakem id-dinja. U veru. Huwa l-bniedem illi jmexxi pajjiż u tajjeb jew ħażin, l-annimali jispiċaw vittmi tat-tmexxija jew liġijiet li jagħmel il-bniedem. Kważi l-bniedem hu liberu li jmur fejn irid, u jersaq qrib sew tal-annimali. Imma mhux f’dawn il-postijiet, għax hawn huma l-annimali li jmexxu. U miskin hu min jidħol fil-postijiet li huma “maħkuma” mill-annimali
1) Pig Island– Din il-gżira li tinsab fil-Bahamas ma jgħixux ħlief ħnieżer. Hemm żewġ teoriji kif dawn il-ħnieżer spiċċaw fuq din il-gżira: Jew tħallew hemm minn xi baħħara , li probbabli kellhom il-ħsieb li jirritornaw għlihom, jew inkella il-ħnieżer kienu kapaċi isalvaw minn xi għarqa ta’ basriment. Maż-żmien dawn il-ħnieżer tgħallmu jgħumu qrib id-dgħajjes bit-tama li jsibu xi ħaġa x’jieklu mingħand it-turisti. U jekk bi ħsiebek iżżur Pig Island, attent għax dawn mhux se jiddejqu milli jaqbżulek fuq id-dgħajsa
2) Cat Island– Il-gżira żgħira ta’ Tashirojima fil-Ġappun hija magħrufa bħala Cat Island, hekk kif iktar hemm qtates milli nies. L-ammont ta’ nies li jgħixu fuq din il-gżira hu ta’ madwar 100, imma l-ammont ta’ qtates hu ħafna aktar. In-nies tal-gżira jemmnu li l-qtates iġibu riżq tajjeb
3) Rabbit Island– Kif jindika isimha, din il-gżira, li wkoll tinsab fil-Ġappun, hija mimlija fniek. Fl-imgħoddi fuq din il-gżira kien hemm fabbrika ta’ xi gass velenuż, fabbrika li ma segwietx ir-regoli matul it-tieni gwerra dinjija. Il-fabbrika kienet tuża l-fniek għall-esperimenti tagħha. Mhux ċar jekk il-fniek tpoġġewx hemm wara li għalqet il-fabbrika biex jattiraw ftit attenzjoni jew tħallewx hemm mit-tmexxija tal-fabbrika
4) Monkey Island– Din il-gżira tinsab fil-Karibew, eżattament fi Puerto Rico. Fuq din il-gżira jgħixu madwar 950 xadina . Dawn ix-xadini kienu inġiebu mill-Indja fl-1938 sabiex jintużaw f’riċerka xjentifika. Sa llum, ix-xjentisti għadhom jistgħu joservaw kif jgħixu dawn ix-xadini. Imma l-pubbliku inġenerali ma jistax jersaq lejhom u jista’ biss josservahom minn fuq id-dgħajjes