Dawn x’inhuma? Naħseb lanqas inti ma taf!
Hemm min qalli li jiftakar li fi tfulitu kien ikollu minn dil-frotta għax ħabib ta’ missieru kien ikabbarha fil-ġnien tiegħu: kienet frotta b’togħma ħelwa, tixbah fil-bogħod lill-frawli. Xi ħaddieħor qalli li fi tfulitu kien jaqta’ dan il-frott mis-siġra, iqaxxru u jieklu, l-iktar in-naħiet ta’ Ħal Tarxien. Ieħor kellu xi zijiet bdiewa li kellhom bosta raba’ u razzett kbir il-Bidni, limiti ta’ Ħaż-Żabbar u fil-Ħamsinijiet wara l-quddiesa tal-Ħadd kien jinżel igawdi l-arja nadifa u din il-frotta kienet tinżillu għasel. Il-Ħadd isemmieh ħabib ieħor tiegħi li jgħid li meta kien joħroġ ma’ tal-Mużew kienu jsemmu isem din il-frotta. F’Ħal Qormi hemm saħansitra familja li tieħu laqamha minn din il-frotta.
Insomma… il-frotta li qed nirreferi għaliha hija ż-żinżel. Martin Morana fil-ktieb tiegħu Ara x’Int Tgħid (2012) jiddeskriviha bħala frotta tixbah lin-naspla u li oriġinat fl-Asja u fil-Lvant Nofsani. Jikteb ukoll li hemm mal-400 tip ta’ dil-frotta, u tikber ukoll fil-Jemen. Interessanti wkoll il-fatt li s-siġra ta’ din il-frotta hi marbuta mal-Passjoni ta’ Kristu ladarba hawn min jemmen li l-kuruna tax-xewk li libbsuh kienet magħmula mill-friegħi tagħha, magħrufa bħala jujube bl-Ingliż u giuggiolo bit-Taljan.
Illum taf issibha wkoll fl-artijiet madwar il-Mediterran, għallinqas fejn baqa’ raba’ mhux mittiefes mill-iżvilupp. Spiss iż-żinżla hija deskritta bħala l-“frotta minsija” ladarba hu diffiċli ħafna biex issibha fis-supermarkets. Barra minn Malta iktar issibha għand il-bejjiegħa fl-irħula.
Iż-żinżel jintuża mar-risotto, flimkien mal-basal moqli u żżid il-brodu bil-mod il-mod, b’dil-frotta ħelwa mqattgħa biċċiet żgħar ma’ ftit ġobon b’togħma qawwija. Hemm min juża ż-żinżel flimkien mal-laħam u biċċiet taz-zalzett imsajrin bil-mod, flimkien ma’ ftit għeneb u ħobż maħkuk biex jixrob l-ilma tat-taħlita li mbagħad titrembel ġol-għaġina f’forma ta’ zalzetta.
Hemm min juża ż-żinżel – li jrid ikun misjur sewwa – biex jagħmel il-ġamm. Trid tnaddafhom, tneħħilhom l-għadma u żżidhom ma’ taħlita ta’ ilma u zokkor f’taġen, flimkien ma’ qoxra ta’ lumija mqattgħa bċejjeċ.
Inti x’għandek x’iżżid dwar iż-żinżel?