Eluf kbar ta’ karozzi klassiċi fil-gżejjer Maltin
Skont artiklu li ħareġ f’Jannar 2024 f’ġurnal Ingliż ewlieni, in-numru ta’ karozzi klassiċi fil-gżejjer tagħna jammonta għal tletin elf. Mela jekk l-ammont ta’ vetturi li jiċċirkolaw fil-gżejjer tagħna hu ta’ 440 elf, il-karozzi klassiċi jammontaw għal madwar 7% tal-vetturi kollha.
Għaliex insibu daqstant karozzi klassiċi f’Malta u Għawdex? Nafu li biex karozza tkun tista’ tiġi kkunsidrata “vintage” jrid ikollha mill-inqas 30 sena. Nafu wkoll li l-Maltin minn dejjem kienu miġbudin sewwa lejn il-karozzi u minn dejjem ħabbew dawk sportivi jew klassiċi. Fl-2003 ħarġet ukoll id-deċiżjoni li min ikollu karozza klassika jħallas nofs il-liċenzja tat-triq.
Min hu intiż fis-suġġett jaf li fost l-iktar karozzi klassiċi maħbubin jaħkmu ismijiet bħal Ford (l-Escort Mark 1 u 2, l-Anglia, u l-Capri), il-Mini Minor, l-Alfa Romeo, il-Jaguar (l-E-Type), mudelli differenti tal-Fiat, il-Porsche, il-Volkwagen, l-MG, it-Triumph, ir-Rover, ċerti mudelli tal-Mercedes, l-Austin Hili, Citroen (fosthom il-mudelli DS u 2CV), saħansitra mudelli tal-Ferrari, imma anki mudelli oħra bħal Skoda u Renault.
Hemm ukoll it-taqsima tal-karozzi klassiċi Amerikani. Kemm Maltin għandhom fil-garaxx tagħhom teżori bħall-Mustang, Chevrolet, Cadillac, Pontiac, Corvette u oħrajn?
Ta’ min isemmi wkoll assoċjazzjonijiet jew inizjattivi marbutin mal-karozzi antiki jew klassiċi. Jeżisti f’Malta l-Old Motors Club, imwaqqaf fl-1989 u li din is-sena qed jiċċelebra l-35 anniversarju tiegħu, u li jiġbor fih mal-elf karozza tal-epoka. Flimkien mal-Historic Motorcycle Club (HMC) u l-Military Vehicles Collectors Club (MVCC) dawn it-tliet assoċjazzjonijiet jiffurmaw l-FMVA (Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki) imma huma awtonomi minn xulxin. L-għan tagħhom hu li jirrestawraw, jippreservaw u jgawdu dawn il-karozzi antiki u klassiċi.
Hemm ukoll f’San Pawl il-Mużew tal-Karozzi u Muturi Klassiċi imwaqqaf minn Carol Galea fl-1950. F’dan il-mużew m’hemmx biss għadd sabiħ ta’ karozzi u muturi klassiċi għall-wirja imma anki tagħrif interessanti bħal dati, kemm ġew prodotti ċerti mudelli, varjanti, u wkoll ftit storja dwar kif il-karozzi esebiti sabu ruħhom fil-kollezzjoni.
Karozzi bħal dawn inkunu nistgħu ingawduhom fit-toroq jew fil-pjazez waqt il-weekends matul xi jum bnazzi.
Inti għandek karozza klassika? Xi tgħidilna dwarha?