Fatti fuq il-Kaffeina
Mill-esperjenza tagħna meta sifirna nafu li jekk tmur l-Italja u tistaqsi għal te kważi kważi jidħqu bik, filwaqt li jekk tmur l-Ingilterra f’ċerti postijiet u tistaqsi għal espresso jafu jħarsu lejk bl-ikrah. U dan biex ma nsemmux ir-reazzjoni tat-Taljani meta titlobhom kafè instant! Ħallihom jgħidulek li dak mhu xejn ħlief Amerikanata u ilma mdardar!
Imma apparti dan, hemm fostna li jippreferu mug kafè milli kikkra te, oħrajn jgħidulek li t-te m’hawnx aqwa minnu, oħrajn imbagħad jieħdu mit-tnejn, skont is-siegħa tal-ġurnata jew skont il-kumpanija u ċ-ċirkostanzi.
Kemm it-te kif ukoll il-kafè għandhom ammont ta’ kaffeina fihom u għalhekk jistgħu jgħinuk tikkonċentra iktar, u tkun iktar attent u allerta għal ħin itwal. Min-naħa l-oħra ammont kbir ta’ kaffeina jista’ jagħmlek iktar nervuż u b’hekk jinfluwenza negattivament dak li tkun qed taħdem fuqu. Għalkemm kemm it-te kif ukoll il-kafè mhumiex neqsin mill-kaffeina, ir-riċerki juru li t-te għandu vantaġġ fuq il-kafè ladarba ma jtellifx mill-kwalità tax-xogħol li tkun qed tagħmel, anzi jgħinek f’dan, bla ma jtelliflek xejn mill-irqad.
Għalkemm mhux konklussivi hemm studji li juru li kemm il-kafè – l-iktar id-dekaffeinat – kif ukoll it-te huma tajbin għall-qalb ladarba jnaqqsu r-riskju ta’ mard tal-qalb u stroke, minħabba elementi bħal polifenoli u antiossidanti li hemm fihom. Min iħobb jieħu regolarment il-green tea qed jgħin biex itejjeb xi ftit il-pressjoni tad-demm u anki l-kolesterol. Min-naħa l-oħra ċerti studji wrew li dawk li jixorbu l-kafè regolarment għandhom 13% inqas riskju li jaqbadhom kanċer. Il-kafè għandu ċerti elementi bijoloġikament attivi li jnaqqsu l-infjammazzjonijiet, jgħinu biex iċ-ċelluli ma jiġux danneġġjati u jirregolaw ċerti ġeni li jsewwu d-DNA tagħna.
Kif qed naraw, dwar il-benefiċċji tat-te u tal-kafè hemm ħafna xi tgħid. Li ma ssemmiex hawn huma l-benefiċċji soċjali u psikoloġiċi li għandhom dawn ix-xarbiet ladarba bosta drabi nikkonsmawhom mhux biss meta nkunu waħedna imma fuq kollox meta nkunu fil-kumpanija ta’ familjari u ħbieb.
“Immorru nieħdu kafè? Jew tippreferi te?” L-aqwa li ngħidu kelma u nistrieħu ftit.
Inti x’taħseb?