Fi ġlieda kontinwa kontra s-suf ta’ ġisimna!

 Fi ġlieda kontinwa kontra s-suf ta’ ġisimna!

Min minna qatt ħaseb fil-fatt li l-ġlieda kontra l-ammont ta’ suf li jikber fuq ġisimna taf teħdilna ħin sostanzjali minn ħajjitna u anki tiswielna ħafna flus?

Hemm min bħal jaqta’ fil-qasir u jgħid li aħna bnedmin imma aħna wkoll mammali u allura s-suf fuq ġisimna huwa parti min-natura tagħna. Forsi hu veru li eluf ta’ snin ilu, meta l-bniedem kien għadu mhux daqstant evolut u ċivilizzat, is-suf kien iservi bħala protezzjoni kontra l-kesħa li jġibu magħhom l-istaġuni xitwin. Imma biż-żmien il-bniedem evolva, ra li hu differenti mill-annimali u sab bosta modi kif jieħu ħsiebu estetikament. Waħda minn dawn kienet li jeħles minn dak is-suf li jaf ikerrhu, ikunx raġel jew mara.

Ġa l-Eġizzjani Antiki, daqs 4000 sena ilu, kienu jipproduċu ċerti sustanzi li jixbhu lix-xama’ mil-lumi u z-zokkor jew mix-xama’ tan-naħal sabiex jeħilsu mis-suf li kien jgħatti partijiet kbar ta’ ġisimhom. Għall-Griegi u r-Rumani tal-antik li tkun bla suf kien sinjal li tappartjeni għal ċerta klassi u stat soċjali. Kienu jinqdew minn oġġetti li jaqtgħu magħmulin mill-ġebel jew pinzetti, apparti varjetà ta’ kremi, biex jeħilsu mis-suf tal-ġisem.

Fil-Medju Evu mbagħad li tneħħi x-xagħar tal-ġisem ma kinitx daqstant moda, għalkemm ċerti persuni kienu jneħħuh minħabba raġunijiet ta’ ndafa – fosthom biex jeħilsu mill-qamel -, iktar milli ta’ estetika.

L-ewwel xafra dritta bdiet tintuża fis-seklu 19 fi Franza u hu hawn meta ssemma l-isem ta’ Gillette. Biż-żmien bdew jintużaw metodi oħrajn biex jitneħħa s-suf mill-ħofra tad-driegħ, tas-saqajn, tal-ħuġbejn, taż-żona pubika u iktar.

Illum il-moda li neħilsu mis-suf fuq ġisimna daħlet sewwa anki fost l-irġiel. Jiġi s-sajf u tara rġiel bla sufa waħda, lixxi daqslikieku għadhom trabi. Għal liema metodi nirrikorru l-iktar biex neħilsu mis-suf eċċessiv?:

  • kremi apposta;
  • laser;
  • xafra u pinzetta;
  • imqass jew magna tax-xagħar;
  • waxing

Is-suf huwa ‘għadu’ invażiv u antipatku ħafna. Tarah jixref minn kull rokna: l-imnieħer, il-widnejn, l-abt, fuq żaqqna jew fuq daharna, fiż-żona pubika, is-saqajn… Kullimkien! Dik kontrieh hi battalja dejjem għaddejja.

Inti x’taħseb?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com