Id-29 ta’ Settembru: Huwa il-jum dinji ddedikat għal dan l-organu importanti

 Id-29 ta’ Settembru: Huwa il-jum dinji ddedikat għal dan l-organu importanti

Il-mard marbut mas-sistema ċirkulatorja huwa fost l-iktar kaġuni komuni tal-imwiet. Għalkemm il-bniedem mhux dejjem għandu l-kontroll fuq kollox, hemm affarijiet li wieħed jista’ jagħmel sabiex dejjem inaqqas ir-riskji u jieħu ħsieb ta’ qalbu bl-aħjar mod possibli. Fid- 29 ta’ Settembru jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Qalb. Dan il-jum ġie mwaqqaf mill-World Heart Federation sabiex tqajjem aktar għarfien fost il-pubbliku u tedukah sabiex jipprevjeni l-mard marbut mal-organu tal-qalb.  

Ta’ min isemmi ħames azzjonijiet li wieħed għandu jżomm f’moħħu bien jindokra qalbu bl-aħjar mod possibli –  

  1. Il-Moniteraġġ essenzjali

Ikun tajjeb li tikkontrolla ta’ spiss il-pressjoni, il-kolesterol  u anke z-zokkor. Meta tkun taf sew kif inhuma dawn il-livelli f’ġismek, dejjem tkun tista’ tieħu azzjoni malajr kemm-il darba xi wieħed minnhom ma jkunx daqstant tajjeb.

  1. Tħarrek iktar

L-eżerċizzju fiżiku regolari, li m’għandux għalfejn ikun eċċessiv, iżomm lill-qalb f’saħħitha, itejjeb iċ-ċirkulazzjoni u jikkontrolla aħjar il-pressjoni arterjali u l-kolesterol.

  1. Ikel bnin

Meta wieħed jieħu ħsieb li jiekol ħaxix, frott, ċereali, ħut u jillimita kemm jista’ xaħmijiet u zokkor, ikun qed iħares sewwa lil qalbu.

  1. Tpejjipx

Sfortunatament, it-tipjip huwa wieħed mill-aġenti ewlenin li joħloq mard kardjovaskulari. Tkun qed tagħmel pjaċir lil saħħtek jekk tieqaf tpejjep.

  1. Illimita x-xorb alkoħoliku

Xorb alkoħoliku żejjed jista’ jagħmel ħsara lill-qalb u jżid ir-riskju ta’ hypertension.

Aħjar uff milli aħħ. Kull bniedem għandu jagħmel ħiltu sabiex kemm jista’ jkun jipprevjeni kull tip ta’ mard u mhux biss dak marbut mal-qalb. Madanakollu, kemm-il darba individwu jkun qed ibati minn ċertu kundizzjonijiet, huwa essenzjali li jimxi mal-pariri mediċi u li jieħu l-pinnoli li għandu bżonn. Jiem dinjin bħal dawn għandhom l-iskop li jippromwovu stil ta’ ħajja b’saħtu li jbegħdna kemm jista’ jkun minn kull tip ta’ mard.

 

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com