Id-difetti tal-bniedem huma vasti, dawn huma dawk il-komuni!

 Id-difetti tal-bniedem huma vasti, dawn huma dawk il-komuni!

L-umanità hija sabiħa anki għax ilkoll kemm aħna għandna l-karatteristiċi individwali tagħna, kemm sbieħ kif ukoll koroh. Is-sabiħ jeżisti għax jeżisti l-ikraħ, l-irqiq jeżisti għax hemm ukoll l-oħxon, it-twil jeżisti għax hemm il-qasir, u mitt oppost ieħor.

Issa tista’ tkun l-isbaħ raġel jew mara, imma xorta jibqa’ l-fatt li lkoll kemm aħna b’xi mod jew ieħor għandna d-difetti tagħna. Nafu wkoll li bħala bnedmin idejquna xi affarijiet f’ħaddieħor, bħalma bla ma nafu għandna wkoll dak li jdejjaq lil dawk ta’ madwarna.

Jista’ jkun li jkollna ħalqna jinten, jew li nonħru billejl. Hemm min ifaqqa’ subgħajh wieħed wara l-ieħor fil-pubbliku qisu xejn mhu xejn. Oħrajn jitfewqu jew jagħtsu qishom orsijiet, b’rispett lejn l-orsijiet.

Hemm min jiddejjaq b’persuni li jpejpu, oħrajn idejquhom persuni li ma jafux jikkontrollaw ruħhom fejn jidħol ix-xorb jew l-ikel. Hemm min idejquh dawk li jkollhom xagħarhom mimli brija, oħrajn dawk li jgiddmu difrejhom, jew li joħorġu riħa t’għaraq għax ma jafux x’inhuma ħasla bis-sapun u deodorant spray.

Imbagħad hemm ċerti aspetti karatterjali oħrajn. Hemm min jiddejjaq fil-preżenza ta’ persuna li ma tagħmel xejn ħlief tiftaħar jew tidgħi. Hemm min idarras lil dak li jkun għax ma jagħmel xejn ħlief iqasqas kontra dak u l-oħra fl-assenza tagħhom filwaqt li fil-preżenza tagħhom juri wiċċ b’ieħor.

Il-qawl Malti jgħid li “Biex tiskonġra trid tkun pur”. Kien hemm min sikket lill-folla billi qalilha “Min qatt ma dineb jitfa’ l-ewwel ġebla”. Imma, min-naħa l-oħra dan ma jfissirx li għandna nibqgħu b’ħalqna magħluq quddiem xi ħaġa li tagħtina fastidju. Hekk jew hekk xi drabi nistgħu inkunu qed niġbdu l-attenzjoni ta’ dak li jkun anki biex intejbulu ħajtu. Jew le?

Hemm min jgħid li l-aħjar ħaġa li tagħmel hija dik li jekk hemm xi ħaġa li ddejqek f’persuna li tiltaqa’ magħha spiss hija dik li tkun dirett u bla ma toqgħod iddur mal-lewża tgħidilha dak li qed jirritak.

Insomma, ċert li bħal dawn in-nuqqasijiet hemm bosta oħrajn. Inti liema nuqqasijiet f’persuna jdejquk l-iktar?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com