Il-Ford Escort MK1. Kemm minnkom saqu din il-karozza?
Is-sena 1968 rat fis-suq tal-karozzi mudell ġdid li ħa post il-Ford Anglia. L-Escort MK1 ġiet prodotta bl-idea li tindirizza kemm il-bżonnijiet tal-familja, imma anki jkollha suċċess fil-qasam tat-tlielaq tal-karozzi. Ħarġet f’erba’ verżjonijiet – fil-Motor Show ta’ Brussell ta’ dik is-sena dehru d-De Luxe, is-Super, is-Super 1300cc, u l-GT. B’titjib fis-sistema tal-isteering u dik tas-sospensjoni ġew imsaħħa kemm il-prestazzjoni kif ukoll l-immaniġġjar tal-karozza.
Tal-Escort MK1 kien hemm anki mudelli armati sa snienhom bħala magna, fosthom it-Twin Cam, il-Mexico, l-RS1600, u l-RS2000. Dawn komplew isaħħu r-reputazzjoni tagħha bħala karozza tar-rally, kollha armati b’karatteristiċi partikolari bħal magni ta’ saħħa kbira, il-qoxra ta’ barra rinfurzata u gearboxes avvanzati. Il-mudelli sportivi kellhom magni fihom li kienu jiġġeneraw mal-245bhp, b’sistema rear-wheel-drive.
Is-seħer u s-sigriet ta’ karozza bħal din kien li mekkanikament kienet sempliċi imma fl-istess ħin setgħet tiġi modifikata biex b’hekk minnha joħorġu mudelli differenti, kollha bil-karattru tagħhom. Kienet ukoll fost l-ewwel mudelli li ppreżentaw l-idea ta’ karozza moderna, b’disinn ibbażat fuq taħlita ta’ kurvi rotob, ġnub fit-tond u arkati. Il-parti ta’ quddiem tal-Escort MK1 kompliet tagħtiha xeħta moderna u li ntogħġbot, b’dawk iż-żewġ fanali tondi u grilja f’għamla ta’ għadma ta’ kelb.
Dan il-mudell tant kellu suċċess li sal-1974 kien diġà laħaq il-miljun fl-Ingilterra biss. F’ċertu sens kienet ħadet parti mis-suċċess li kellha l-Ford Cortina għax kienet mudell iżgħar u għalhekk iktar ekonomiku. Kien suċċess kbir għax l-Escort MK1 kien mudell li appella kemm għal min kellu familja, kif ukoll għal dawk li xtaqu karozza sportiva ta’ ċertu karattru.
Min kellu dan il-mudell jaf kemm-il ħarsa u attenzjoni ġibdet ta’ mijiet ta’ nies hi u għaddejja mit-toroq ta’ bliet differenti, kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Istati Uniti. Niftakar xena partikolari minn film li fih ħadu sehem l-atturi Bud Spencer u Terence Hill huma u jtellqu żewġ Escorts MK1 waqt tellieqa tar-rally cross. Il-film kien Watch out, we’re mad! tal-1974 li bosta jiftakruh bħala …altrimenti ci arrabbiamo! fil-verżjoni Taljana tiegħu.
Inti għandek x’tirrakkonta dwar l-Escort MK1?
(Sors: mk1escort.org)