Il-memorja ta’ dawn l-annimali hija impekkabli

 Il-memorja ta’ dawn l-annimali hija impekkabli

Xi darba jew oħra, kulħadd jinsa. Hawn min jinsa iżżejjed u jkollu jikteb sabiex jagħmel dawk l-affarijiet li jkunu meħtieġa. Imbagħad hawn min għandu memorja tant tajba li jirnexxielu jiftakar anki dettalji li fil-verita lanqas huma importanti. Ġieli min jiftakar ħafna jgħidulu li għandu memorja ta’ ljunfant. U bir-raġun, għax l-iljunfant huwa wieħed mill-annimali li għandhom memorja tajba ħafna.

L-iljunfanti għandhom memorja tajba ħafna u jibqgħu jiftakru anki wara ammont ta’ snin, eżempju għoxrin sena. Mhux biss jiftakru xi rotta minn fejn iridu jgħaddu biex iġibu l-ilma, imma anki jiftakru persuni individwali

Id-dniefel ukoll huma tajbin ħafna fejn tidħol memorja, fejn kapaċi jiftakru anki dniefel oħra li jkunu ilhom ma jiltaqgħu magħhom ammont ta’ snin. Jingħad li d-dniefel kapaċi jiftakru anki annimali oħra. Annimal ieħor li għandu memorja tajba huma l-klieb. Il-klieb kapaċi jiftakru lin-nies, postijiet u anki istruzzjonijiet. Aktar minn hekk, il-klieb kapaċi jagħrfu lil sidhom anki jekk ikunu ilhom ħafna ma jarawh

Meta nisimgħu xi pappagall “jitkellem” nibqgħu impressjonati kif kapaċi jitgħallem kliem u jibqa’ jirrepetih. Imma tajjeb li nkunu nafu li l-pappagalli għandhom memorja tajba, tant li kapaċi jibqgħu jiftakru kliem u kanzunetti, anki sa tletin sena wara. Il-kapaċita’ tagħhom li jimitaw il-vuċi tal-persuni turi mhux biss il-memorja li għandhom, imma anki l-kapaċita li jużaw ċertu kliem f’kuntest, mhux biss jirrepetu bl-addoċċ

Anki l-qarnit għandu memorja soda, memorja li tgħinhom sabiex jgħixu. Kapaċi jiftakru sitwazzjonijiet li għaddew minnhom, u jużaw l-intelliġenza tagħhom jekk jerġgħu isibu ruħhom fl-istess ċirkostanzi

U ma nistgħux insemmu l-annimali li għandhom memorja tajba u ma nsemmux il-firien, li għandhom il-ħila jiftakru passaġġi sabiex isibu moħbiet ta’ ikel. U dawn kapaċi jiftakru għal ġimgħat sħaħ. Mhux ta’ b’xejn illi meta tara xi wieħed id-dar ikun jaf minn fejn għandu jgħaddi, għax il-mappa/pjanta ta’ darek ikun żammha fil-memorja.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com