Il-“vizzji żgħar” tar-raġel u l-mara miżżewġin. Jew kapriċċi?

 Il-“vizzji żgħar” tar-raġel u l-mara miżżewġin. Jew kapriċċi?

Il-jum huwa twil 24 siegħa u matulu ma rridux biss naħdmu u naħdmu. Hemm ukoll il-ħin għall-mistrieħ u ħin ieħor li għandna niddedikawh lil dawk l-affarijiet jew attivitajiet li nħossu li b’xi mod jew ieħor jagħmlulna l-ġid.

L-istess jgħodd għall-koppji miżżewġin. Mhix xi ħaġa sana li t-tnejn li huma jibqgħu mwaħħlin ma’ xulxin il-ġurnata kollha, jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa. It-tnejn jibqgħu individwi, bil-gostijiet u bżonnijiet speċifiċi tagħhom, u għalhekk għandu jkun hemm ukoll il-ħin meta jkunu maqtugħin minn xulxin.

Minn dak li nisma’ u nara madwari nara li n-nisa għandhom l-attivitajiet partikolari tagħhom, u lanqas l-irġiel min-naħa l-oħra mhuma nieqsa mill-immaġinazzjoni. Il-mara miżżewġa tagħmel mitt elf ħaġa matul il-jum tagħha, kemm jekk tkun mara tad-dar, kif ukoll jekk tkun mara li toħroġ taħdem. Hemm nisa u ommijiet – anzi l-parti l-kbira – li jridu jlaħħqu maż-żewġ rwoli, dak tad-dar u dak tax-xogħol. Imma n-nisa jafu jkunu wkoll multitaskers, fis-sens li kapaċi jlaħħqulek ma’ bosta affarijiet f’ħin wieħed.

Għalhekk jirnexxilhom ukoll isibu dak il-ftit ħin – jew iktar? – li jqattgħulek għand tax-xagħar fejn waqt li jissettjaw xagħarhom jgħidulek kelma. Attività oħra hija dik għand tad-dwiefer fejn jgħidulek żewġ kelmiet oħra. Imbagħad hemm il-mawra għand il-beautician sabiex jeħilsu mix-xagħar żejjed minn irkejjen differenti tal-ġisem. Wara kollox dan jagħmluh anki għall-irġiel tagħhom biex jarawhom dejjem sbieħ u attraenti. Mhux hekk? Nisa oħrajn iħobbu jinkitbu f’xi grupp tal-yoga, tal-Pilates, u simili, fejn jeħilsu ftit mit-tensjoni li tkun trabbiet matul il-ġimgħa.

U l-irġiel? Ir-raġel ukoll għandu l-mawriet tiegħu għand il-beautician. Anki huwa llum sar idejqu s-suf żejjed, u mhux l-ewwel darba li nisimgħu b’irġiel li għamlu xi face mask jew marru għal massaġġ rinvigoranti. Hemm dik il-parti ta’ rġiel li jmorrulek regolarment il-gym biex iżommu ruħhom b’saħħithom. Oħrajn imbagħad jippreferu jqattgħu naqra ħin il-każin jew f’xi bar jgħidu kelma mal-ħbieb filwaqt li jixorbu xi pinta birra.

Dawn x’inhuma eżattament: vizzji żgħar jew kapriċċi? Inti għandek x’iżżid?

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com