Illum jum misħut!
Il-Ġimgħa — illum jaħbat it-13 tax-xahar. Għal min hu superstizzjuż, din ġurnata marbuta max-xorti ħażina u hawn ħafna jitolbu li tgħaddi kemm jista’ jkun malajr!
Jekk int tibża’ minn dan il-jum, għandek Friggatriskaidekafobija jew Paraskevidekatriafobija!
In-numru 13 iqanqal lis-superstizzjużi minħabba li ilu simbolu ta’ risq ħażin għal sekli sħaħ. Fl-Aħħar Ċena kien hemm tlettax-il ruħ imdawrin mal-mejda u kien Ġuda, it-tlettax-il mistieden, li ttradixxa lil Ġesù, li ssallab il-Ġimgħa. Il-jum tal-Ġimgħa sar marbut mal-kastigi fl-Ewropa Medjevali.
It-13 itellef l-armonija li jġib in-numru 12: tnax-il xahar, tnax-il siegħa, tnax-il stilla. Il-missjoni lejn il-qamar Apollo 13 falliet u għal naqra ma swietx il-ħajja ta’ tliet astronawti.
Aktarx li s-superstizzjoni kisbet popolarità riċenti minħabba r-rumanz Friday, the Thirteenth ta’ Thomas W. Lawson. Is-serje ta’ films tal-biża’ Friday the 13th, li bdew jinħadmu fit-tmenijiet, komplew ikattru l-popolarità misħuta ta’ din id-data. Dan Brown kompla jrewwaħ b’The Da Vinci Code, li fih isemmi meta l-Ġimgħa, 13 t’Ottubru 1307 kienu ġew arrestati ħafna Kavallieri Templari.
Dan il-jum mhux dejjem tqies b’negattività. Kienu jemmnu li l-Ġimgħa kellu rabta ma’ Frigga, l-alla Nordika marbuta mal-imħabba u ż-żwieġ. Soċjetajiet pre-Kristjani kienu jqisu t-13 bħala numru importanti marbut man-numru ta’ ċikli tal-qamar u tal-menstruwazzjoni. Fi żmienna, Taylor Swift tqis it-13 bħala numru fortunat għaliha.
Kull meta t-13 tax-xahar jaqa’ l-Ġimgħa? Kull xahar li jibda b’nhar ta’ Ħadd, allura t-13 tax-xahar jaqa’ propju l-Ġimgħa. Is-superstizzjoni hija taħlita ta’ twemmin reliġjuż u kultura pop.