Inizjattivi biex il-lokalità tiegħek tinżamm nadifa u sabiħa
F’ċerti villaġġi jew bliet żgħar barra minn Malta hemm sistema ta’ voluntiera li taħdem tassew. Dawn ikunu persuni tal-post li jieħdu ħsieb iż-żamma tiegħu permezz ta’ tliet modi ewlenin:
- Jiżirgħu u jkabbru l-fjuri ġo qsari jew biċċiet tal-ħamrija mxerrdin fil-pjazez, ġonna u toroq ewlenin u mbagħad jieħdu ħsieb iż-żamma tagħhom regolarment;
- Iżommu l-villaġġ nadif billi jnaddfu u jikinsu l-postijiet pubbliċi.
Sistema bħal din tgħin biex in-nies tal-post ikunu iktar responsabbli u jaħsbuha darbtejn meta jiġu biex iħammġu l-lokal fejn jgħixu huma stess. Meta r-residenti jkunu huma stess li jikkontribwixxu biex il-post jinżamm tajjeb iġenikament u estetikament, allura dan jindika li l-komunità hija waħda ċivili u konxja tar-responsabbiltajiet tagħha.
Mhux biss, imma villaġġ miżmum sabiħ u nadif jaf jiġbed iktar turisti ta’ ċerta kwalità li anki huma jifhmu li dan mhux post fejn tista’ tħammeġ u tarmi dak li m’għandekx bżonn kif ġie ġie.
Issa nistaqsi, kemm jeżistu inizjattivi bħal dawn fil-villaġġi u fil-bliet Maltin u Għawdxin? Tara ċerti lokalitajiet mifqugħin bil-boroż taż-żibel f’nofs il-bankini sa tard filgħodu, tant li r-riħa tkun insopportabbli minkejja li ċ-ċentru tal-belt ikun mimli bin-nies, inklużi turisti. Tara lokalitajiet oħrajn fejn il-bankini huma mtebbgħin b’kull ħaġa possibbli: żjut, chewing gum mormi, il-likwidu jinten li joħroġ mill-boroż taż-żibel.
F’postijiet oħrajn ikun hemm ċerti inizjattivi bħal tħawwil ta’ siġar jew pjanti u fjuri fi rqajja’ varji tal-ħamrija imma anki fi qsari kbar u żgħar imxerrdin f’bosta rkejjen. Imma kif jgħaddi ftit żmien kollox jinxef qoxqox filwaqt li l-qsari jintużaw bħala ash trays u l-irqajja’ tal-ħamrija bħala post fejn jinqeda l-kelb ta’ kuljum.
Tliet suġġerimenti:
- Ikun hemm siġra jew roqgħa fejn hemm xi fjuri jew pjanti neqsin mill-ilma itfagħalhom barmil ilma kultant żmien;
- Żomm għallinqas il-parti quddiem il-bieb tiegħek nadifa u jekk ikun hemm bżonn iġbor karta jew tnejn minn dawk li jġib miegħu r-riħ.
- Żejjen il-ħoġor tat-tieqa tiegħek b’xi pjanta tal-fjuri u ħu ħsiebha.
X’inizjattivi hemm fil-lokalità tiegħek biex l-ambjent jinżamm nadif u sabiħ?