“It-tfal tal-lum għandhom attitudni tal-biża’!” Veru?
Ftit ilu nxterrdu filmati ta’ adolexxenti fi ħwienet f’Tas-Sliema jilletikaw mal-impjegati u jivvandalizzaw l-istabbilimenti. Ħafna kkundannawhom u l-kummenti fuq il-midja soċjali ħawru l-borma.
Nibdew minn hawn: imġiba ta’ din ix-xorta mhix aċċettabbli u xejn ma jiskuża dak li għamlu. Però għandna niġġeneralizzaw l-imġiba ta’ dawn l-adolexxenti u niġbru lil kulħadd f’keffa waħda? Jekk nofs tużżana individwi għamlu atti vandali, għandna nikkundannaw ġenerazzjoni sħiħa?
Irridu naċċettaw li qed naffaċċjaw qasma ġenerazzjonali. It-tfal u l-adolexxenti għandhom ħafna affarijiet differenti minn ta’ qabilhom: influwenzi, teknoloġija disponibbli, valuri, prijoritajiet, stili ta’ komunikazzjoni u anki fehmiet fuq l-affarijiet ta’ madwarhom. Id-dinamiċi tal-familji, it-tensjonijiet soċjali u anki l-bdil kulturali wkoll jaffettwawhom.
Ma nistgħux niċħdu li bosta affarijiet qed jitnaqqru u jinbidlu fost il-ġenerazzjoni taż-żgħar. Pereżempju nsemmu: is-sens ta’ identità, l-altruwiżmu, il-ħiliet kreattivi, il-progress akkadmiku u l-integrità. B’xorti ħażina, l-istudji juru li l-ġenerazzjoni li tielgħa mifnija sperimentazzjoni bis-sustanzi, sess, vjolenza, bullying, apatija u problemi ta’ saħħa mentali.
Dawn id-dilemmi jidhru f’kull qasma ġenerazzjonali lura fiż-żminijiet. Veru li hemm tfal u adolexxenti li l-imġiba tagħhom twassal għal ħsara u reputazzjoni ħażina. Daqstantieħor hemm tfal u adolexxenti bi mġiba eżemplari, li juru li huma moderni imma rashom fuq għonqhom.
Kif innaqqsu qasma ġenerazzjonali? Id-djalogu huwa ċ-ċavetta biex nifhmu lil xulxin, nitgħallmu mill-esperjenzi u naslu f’kompromess. Il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel ma jistgħux joħonqu lil dawk li ġejjin u l-ġenerazzjoni li tielgħa ma tistax tixkupa dak li bnew ta’ qabilhom. Importanti l-edukazzjoni biex in-nies jirrispettaw u jaċċettaw lil xulxin filwaqt li jgħixu f’armonija. Faċli? Le, imma li tipprova ssib triq hija aħjar mill-kunflitt li jwassal għal iktar problemi milli soluzzjonijiet u kompromessi.