It-tipjip fil-pubbliku … Iva? Le?
Spiss jirxoxta l-argument fuq jekk għandux ikun hemm iktar restrizzjonijiet b’rabta mat-tipjip fil-pubbliku. Kull meta xi ħadd jgħaddi fehma bħal din fuq il-midja soċjali jqumu l-irwiefen kollha … favur u kontra!
It-tipjip fil-pubbliku għandu jibqa’ minħabba li kulħadd liberu. In-nies għandhom dritt jieħdu d-deċiżjonijiet personali li jridu, inkluż li jpejpu. L-ispazji pubbliċi jużahom kulħadd u, sakemm min ipejjep mhux jikser liġi jew jikkawża ħsara, it-tipjip għandu jitħalla fil-pubbliku.
Jekk tiħrax il-liġi kontra t-tipjip, jew jiżdiedu restrizzjonijiet ġodda, l-istat ikun qed jirfes fuq il-libertajiet taċ-ċittadini u tingħata l-impressjoni li qed jabbuża.
Fatt magħruf: id-duħħan tas-sigaretti għandu viżibilju kimiċi tossiċi. It-tipjip sekondarju huwa ta’ dannu wkoll għal min ikun fl-inħawi ta’ xi ħadd li jpejjep u jkun vulnerabbli għal mard respiratorju, problemi tal-qalb u kanċer. Postijiet pubbliċi għandhom ikunu siguri għal kulħadd u t-tipjip jesponi lil min ipejjep u lill-oħrajn, speċjalment nies vulnerabbli bħal tfal, anzjani u nies morda, għall-kimiċi tossiċi.
Apparti hekk, bosta minn dawk li jpejpu, sfortunatament, jarmu l-loqom tas-sigaretti mal-art u, barra li jħammġu, jerħu kimiċi li jniġġsu l-ambjent.
Hemm affarijiet oħrajn li jagħmlu ħsara daqs is-sigaretti jew iktar, bħat-tniġġis tal-arja, ikel proċessat, ħxuna żejda, rimi ta’ skart bl-addoċċ u użu ta’ kimiċi perikolużi fi prodotti ta’ kuljum. Jekk jitwaqqaf it-tipjip fil-pubbliku hija biss qatra f’oċean.
Min-naħa l-oħra, hija prijorità li nħarsu s-saħħa pubblika u l-ambjent u li jkun hemm restrizzjoni fuq it-tipjip fil-pubbliku hija ġustifikata.