Kont taf li tista’ qed iġġorr bomba f’idejk?

 Kont taf li tista’ qed iġġorr bomba f’idejk?

Ftit tal-jiem ilu smajna bil-mijiet ta’ feruti fil-Libanu, xi wħud minnhom spiċċaw saħansitra mejtin, wara li l-mowbajls, pagers jew walkie-talkies tagħhom splodew huma u jużawhom jew iġorruhom. F’dan il-każ dan l-apparat elettroniku ġie mbagħbas apposta x’imkien barra l-pajjiż sabiex jinbidel f’wieħed esplossiv immirat biex jolqot direttament persuni partikolari. Mela għandna każ fejn apparat li suppost nużaw biex nikkomunikaw bejnietna ġie mmanipulat u mibdul f’arma qerrieda tal-gwerra.

Imma għandna nkunu nafu li din mhix l-ewwel darba li apparat elettroniku bħal mowbajls sploda u spiċċa biex weġġa’ sewwa u b’mod gravi lill-bniedem, u dan minħabba raġunijiet oħrajn. Waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex apparat elettroniku bħall-mowbajls jew paġers jisplodi hija l-batterija. Hemm min iħalli dan l-apparat fuq id-dashboard tal-karozza fix-xemx għal ħin twil jew jiċċarġja għal ħin iktar milli suppost. Hekk il-batterija tisħon ħafna u kapaċi tisplodi u tħalli ġrieħi gravi fuq il-persuni ta’ dak li jkun. Tajjeb li nħallu l-mowbajl jiksaħ meta naraw li saħan ħafna qabel ma nużawh.

Xi suġġerimenti biex il-mowbajl u apparat elettroniku ieħor ma jisħonx iżżejjed huma dawn:

  • M’hemmx għalfejn niċċarġjaw il-mowbajl sa 100%, imma sa 80% biżżejjed;
  • Ma nħallux il-mowbajl fuq il-fast charge matul il-lejl;
  • Nevitaw li nħalluh f’xemx diretta;
  • Għandna nbaxxu d-dawl tal-iskrijn, nitfu dawn l-apps li ma tantx nużaw u nżommu l-istess apps updated;
  • Nużaw charger li hu approvat mill-produttur tal-mudell tal-apparat li qed nużaw;
  • Jekk il-mowbajl ikun jaħraq oħorġu mill-case protettiva tiegħu, itfi l-Bluetooth u ixgħel l-Airplane mode;
  • Qatt iżżomm flimkien u fl-istess basket il-mowbajl, il-laptop jew tablet u apparat elettroniku ieħor ladarba jistgħu jisħnu ħafna;
  • Żomm apparat elettroniku bħal mowbajls, laptops u tablets separati u fuq uċuħ ċatti biex iżommu t-temperatura normali tagħhom.

Din tinstema’ tad-daħq, imma ara ma jgħaddilekx minn moħħok tpoġġi l-mowbajl jew tablet fil-friġġ jew friżer jekk qatt jisħon ħafna. Dan jista’ joħloq kondensazzjoni ġewwa l-apparat u għalhekk faċli ma jibqax jaħdem.

Mela, importanti li nieħdu ħsieb u naraw fejn inpoġġu l-apparat elettroniku tagħna.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com