L-effetti tal-ħaddiema barranin fuq il-lingwa Maltija
Din mhix biċċa ta’ razziżmu imma riflessjoni dwar realtà li qed ngħixu fiha llum f’pajjiżna stess, realtà li sa 15-il sena ilu żgur ma kenitx daqstant qawwija.
Huwa fatt li llum meta nidħlu fil-ħwienet jew fir-ristoranti l-ħaddiema li jaqduna ma jkunux Maltin. Konsegwenza ta’ dan aħna l-Maltin ikollna nitkellmu bit-tieni lingwa tagħna li hija l-Ingliż u nitfgħu fil-ġenb l-ewwel lingwa tagħna, dik nazzjonali, il-Malti. U dan ironikament f’pajjiżna stess! Kif nafu, parti kbira mill-ħaddiema fil-ħwienet u r-ristoranti ġejjin mill-Asja, fosthom Indjani, Pakistani, Filippini, Nepaliżi u l-bqija. Mela huma ħaddiema li joriġinaw f’pajjiżi ’l barra mill-Unjoni Ewropea.
Issa l-biċċa hija din: nafu li bosta minn dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħolhom u jaqdu dmirhom sewwa. Imma jdejjaqna ħafna l-fatt li bosta minnhom ma jafux jitkellmu u lanqas jifhmu bil-Malti. Għalhekk għadd ta’ Maltin li jbatu biex ifissru ruħhom bl-Ingliż jafu jsibuha diffiċli biex jikkomunikaw magħhom. Imma, ngħiduha kif inhi, li dawn il-ħaddiema barranin ma jafux jikkomunikaw bil-Malti ddejjaq parti kbira minna l-Maltin, anki lil dawk li jafu sewwa bl-Ingliż.
F’rabta ma’ dan hemm l-idea tal-integrazzjoni. Hija ħaġa sabiħa li naċċettaw ħaddiema bħal dawn jekk l-ekonomija verament għandha bżonnhom, imma jiddependi wkoll minn kemm nirrispettaw lilna nfusna u lil pajjiżna, jekk naċċettawx li dawn jidħlu f’pajjiżna u jibqgħu jaħdmu fih bla ma jsiru familjari u jissaħħu maż-żmien f’rabta mal-lingwa Maltija u anki mal-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna.
Personalment, nieħu ħafna gost meta nidħol f’ħanut u jaqdini barrani li jfendi sewwa bl-ilsien Malti u nagħraf li qed jagħmel ħiltu biex isir parti mill-komunità li laqgħetu. Niddispra meta mbagħad nisma’ lil bosta anzjani jilmentaw li mhux biss fil-ħwienet imma anki fl-isptar kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ ħaddiema u persuni li jikkurawhom li la kienu jafu l-Malti u kważi kważi lanqas l-Ingliż!
Naf li qed isiru korsijiet tal-Malti apposta għall-barranin, imma nistaqsi kemm qed ikunu verament effettivi dawn?
Inti x’taħseb dwar dan kollu? Qed nitilfu dak li hu tagħna?