Li kieku l-film tat-Titanic kien bil-Malti…
Meta tkunu qed taraw xi film, partikolarment xi wieħed klassiku, qatt għadda minn moħħkom kif kien jinħadem, jew jinstema’ li kieku kellu jsir bil-Malti.
Grupp ta’ ħbieb li kienu qed igawdu xi ftit żmien f’pixxina ddeċidew li xtaqu jkunu huma li jaħdmu parti mill-film Titanic bil-Malti. Huma ħolqu vidjow li mar virali fuq TikTok. Il-vidjow rawh aktar minn 38,000 persuna u kienu diversi dawk li kkummentaw jammiraw l-umoriżmu ta’ dan il-grupp ta’ żgħażagħ.
Fil-filmat, tfajla tidher mimduda fuq lilo taħdem il-parti ta’ Rose. Jack jistaqsiha jekk żgur hemmx post għalih biex isalva…hi tgħidlu li le u tniżżillu rasu taħt l-ilma. Fil-pront il-kamera ddur fuq il-pixxina hemm diversi persuni “mejtin” u min-naħa tax-xellug jidħol wieħed fuq dgħajsa jgħajjat “fadal xi ħadd ħaj?”
Apparti l-umoriżmu ta’ dan il-grupp ta’ ħbieb li żgur lissnu tbissima fuq l-uċuh ta’ eluf ta’ persuni f’dawn l-aħħar jiem, dan il-fattur dwar il-film Titanic għadu s’issa jqajjem dibattitu. Ħafna għadhom jistaqsu: “Rose kellha spazju fejn jitla’ Jack u jsalva magħha…għaliex ma resqitx?”
F’intervista ma’ Vanity Fair, il-moħħ wara l-film Titanic, James Cameron, kien ġie mistoqsi propju din il-mistoqsija. Hu daħak u qal li t-tweġiba hija waħda sempliċi: “fuq paġna 147 tal-iskript, Jack imut.”
@rachelbuttigieg Titanic bil-Malti DUDA @Eldon Aquilina @Anne Marie Fava @Matthew Aquilina536 @Mark Mifsud