Li tħares spiss lejn il-mera hija fissazzjoni?

 Li tħares spiss lejn il-mera hija fissazzjoni?

Nammettuha, ħafna minnha, kemm nisa kif ukoll irġiel, ngħaddu xi żmien inħarsu lejn ir-rifless tagħna fil-mera. Huma ftit però dawk li meta jaraw lilhom infushom fil-mera jaħsbu li dak jew dik mhumiex huma imma rifless jew xi ħaddieħor li ladarba ma jibqax iħares lejk jitlaq għal rasu jew rasha bħalma titlaq għal rasek inti fid-dimensjoni reali. Imma ħa nżomm id-diskors ħafif.

Hemm min iħobb iħares lejh fil-mera u jammira lilu nnifsu, speċjalment meta jkun għeri sabiex jiċċassa lejn ġismu skulturat wara sigħat, ġimgħat u xhur twal ta’ taħriġ fiżiku l-gym. Hemm min imbagħad iqatta’ ħin twil quddiem il-mera jipprova ħwejjeġ differenti biex jara liema jixirqulu l-iktar, partikolarment jekk ikun hemm xi serata speċjali. Oħrajn iħobbu jħarsu spiss u għat-tul lejn il-mera sabiex jiflu lilhom infushom sewwa, isiru jafu aħjar lilhom infushom, fis-sens li jiskopru dak li jogħġobhom u dak li ma jogħġobhomx fil-fiżiku tagħhom. Il-mera hija essenzjali għalina l-irġiel meta niġu biex inqaxxru l-leħja, speċjalment għal dawk li huma iktar kreattivi. Anki n-nisa jsibu l-mera bżonn meta jkunu jridu jiċċekkjaw ċerti partijiet li mhux faċli tarahom mingħajrha.

Skont l-esperti għaliex inħarsu lejn il-mera regolarment?

  • Jista’ jkun sinjal tal-fatt li aħna konxji tagħna nfusna u nbatu minn sens ta’ insigurtà. Inkunu qed nistaqsu kif jarawna ta’ madwarna;
  • Jista’ jkun sinjal ta’ vanità jew narċisiżmu, mela ninkwetaw iżżejjed dwar kif nidhru u nħobbu nammiraw lilna nfusna spiss;
  • Nistgħu nkunu qed inbatu minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali fejn dak li jkun iħares b’mod ossessiv lejn il-mera biex jara ċerti imperfezzjonijiet jew nuqqasijiet fil-mod kif jidher fiżikament;
  • Hemm min hu ffissat fil-mod kif jidher u jiċċekkja spiss jekk hux nadif u ordinat fl-apparenza tiegħu;
  • Jista’ jkun ukoll sinjal ta’ anzjetà jew stress, ladarba hemm min iħares spiss lejn il-mera biex iħossu rassikurat. Mela li nħarsu lejn il-mera b’mod kompulsiv iservi bħala mekkaniżmu kif insibu serħan meta nħossuna stressjati.

Fl-aħħar nett, u din mhix ċajta, kemm minna mbagħad nitkellmu mar-rifless tagħna?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com