Liema huwa dak l-ispazju li fih issib il-mistrieħ u l-kenn?

 Liema huwa dak l-ispazju li fih issib il-mistrieħ u l-kenn?

Hemm min jgħidlek li l-isbaħ spazju li żgur joffrilu kemm u mistrieħ huwa ġuf l-omm minn fejn ilkoll oriġinajna. Minkejja li ma niftakrux dawk id-disa’ xhur meta konna għas-sħana u l-irdoss tal-omm, xorta waħda nafu li wara li tlaqna post bħal dak bħal bdew il-problemi tad-dinja.

Ma’ dan nistgħu nżidu d-dirgħajn tal-omm bħala post ieħor fejn konna nsibu kenn u mistrieħ, b’għajnejha bħala d-dinja għalina ta’ trabi li konna.

Iktar ma kbirna iktar sirna indipendenti u għalhekk bdejna nfittxu spazji oħrajn li joffrulna kenn u mistrieħ. Hemm min jgħidlek li spazju bħal dan għalih hija l-kamra tal-bejt fejn forsi jipprattika xi passatemp. Hemm min irabbi l-ħamiem u għalhekk hemm fuq isib ftit paċi.

Post ieħor fejn xi wħud isibu mistrieħ u kenn huwa l-garaxx. Hemmhekk ikollhom għodda differenti u f’dak l-ispazju jkunu jistgħu jistrieħu billi jsewwu jew jibnu xi ħaġa. Xi drabi anki tagħti żewġ daqqiet ta’ martell fuq musmar kapaċi jnessuk ftit mill-ġirja tal-ħajja.

Meta konna żgħar żgur li ħafna minna konna nsibu kenn u mistrieħ fid-dar tan-nanniet jew xi zijiet anzjani. Min jaf kemm kienu jfissduna! U forsi spazju ieħor għal qalbna kienet dik il-ġnejna jew bitħa li kellhom fuq wara l-istess nanniet fejn min jaf kemm qattajna sigħat insaqqu, innaqqu mill-weraq ħażin, nieklu xi frotta direttament mis-siġar u anki naqraw xi ktieb għad-dell.

Hemm min l-ispazju għall-kenn u li joffrilu mistrieħ isibu barra mid-dar. L-għalqa toffri dan kollu lil min iħobb joqgħod għall-kwiet ’il bogħod mill-għagħa tal-belt. Hemm min jaħrablek ħarba qrib il-baħar u jserraħ għajnejn iħares lejn l-ikħal u l-ftuħ ta’ dan l-element naturali li m’aħniex neqsin minnu.

Illum qed jinfetħu wkoll ġonna pubbliċi f’lokalitajiet differenti, u din hija inizjattiva tajba ferm. Hemm bosta jsibu naqra mistrieħ fuq xi bank għall-kenn tad-dell tas-siġar li ma jonqsux fi spazji bħal dawn. Basta mmantnuhom sew u nżommu ’l bogħod mill-atti vandali!

Apparti xi Spa, fejn isibu kenn u mistrieħ in-nisa?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com