Mel Gibson bix-shield tar-regatta fil-Birgu!

 Mel Gibson bix-shield tar-regatta fil-Birgu!

Il-Klabb tar-Regatta tal-Birgu kien ilu mill-1984 ma jerbaħ ix-shield tal-Kategorija A waħdu! Ħafna kienu jgħidu li mhux se jaraw rebħa oħra bħal dik fil-Belt Rebbieħa! F’Jum il-Vitorja 2024, il-Vittorjożani qatgħu xewqithom!

Dan kien vjaġġ li beda erba’ snin, li matulu grupp kumitat ġdid, tista’ tgħid kollha mill-Birgu, taw nifs ġdid lill-klabb. Ix-xogħol beda jrendi l-frott! Il-klabb sar qawwa importanti fil-kanal u beda jissaħħaħ u jibni t-timijiet tal-qaddiefa biex jikkompeti sew. Bis-saħħa tal-klabb tal-Birgu, kotor l-interess fir-regatta tradizzjonali.

Fl-2023, il-klabb ħa x-shield tal-Kategorija A mal-klabb ta’ Bormla bl-istess punti. Fir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien 2024, il-klabb ħa x-shield tal-Kategorija B, imma qasamha mal-klabb tal-Kalkara.

Fil-Birgu jiċċelebraw bil-kbir! Is-sena l-oħra wara r-rebħa sar marċ kbir li beda minn Cafè Riche sal-pjazza bis-sehem tal-klabb, il-qaddiefa, iż-żewġ baned tal-lokal u anki l-Kunsill Lokali. In-nies ikkonkorrew bil-kbir!

Din is-sena se jsir l-istess nhar il-Ħadd imma tal-Birgu diġà bdew jiċċelebraw bil-kbir! Hawnhekk ħa nirrakkuntawlkom l-istorja tal-ġenn!

Wara r-rebħa l-partitarji u l-qaddiefa nġabru l-pjazza jiċċelebraw. Kien hemm l-għajdut li l-Birgu kien hemm Mel Gibson jgħarrex il-lokal għal xi film. F’ħin minnhom niżlu żewġ vannijiet suwed il-pjazza skortati minn uffiċjali ta’ Transport Malta u wara ftit tfaċċa Mel Gibson. In-nies preżenti nġabru madwaru. Meta staqsewh, aċċetta li jieħu x-shield f’idejh u jippoża għal ritratt tal-okkażjoni magħhom.

Anki minn Hollywood ingħaqdu ma’ tal-Birgu għaċ-ċelebrazzjoni!

Tgħid naraw ix-shield u n-nies tal-Birgu f’xi parti mill-film ta’ Gibson? Bil-mod grandjuż li jiċċelebraw bih fil-Belt Vittoriosa, ma niskantawx!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com