Mhux Se Temmen Fejn Qed Jgħix Dan ir-Raġel
Raġel minn San Diego għamel għażla sorprendenti u xtara appartament fuq vapur tal-kruċiera (cruise liner), għax sab li b’hekk se jkun qed jiffranka flus u jgawdi l-ħajja fuq il-baħar. Biż-żieda fl-ispejjeż tal-għajxien, bosta qed ifittxu modi alternattivi biex jiffrankaw u jgħixu ħajja iktar rilassata. Austin Wells minn San Diego sab l-opportunità perfetta meta xtara appartament fuq il-vapur MV Narrative. Iżda kif għamel dan?
F’intervista mal-CNBC fl-2022, Wells żvela li ħallas $300,000 (€238,000) għal kiri ta’ 12-il sena f’appartament żgħir fuq il-MV Narrative. Għalkemm din tidher bħal somma kbira, meta tqis il-prezzijiet tal-proprjetà dejjem jogħlew – speċjalment f’San Diego u Londra u anke f’Malta– tassew idea tajba!Tista’ timmaġina l-veduti minn fuq il-baħar?
Wells mhux biss se jkun qed jiffranka l-flus, imma wkoll se jkun qed igawdi ħajja rilassata fuq il-baħar. Minbarra l-veduti spettakolari, fuq il-vapur se jkun hemm 20 ristorant, librerija, skola, bank, ċinema, u pixxina. Il-MV Narrative se joffri wkoll gym privat, servizzi mediċi, spa u ħafna aktar.
Madankollu, hemm qabda żgħira. Il-vapur għadu taħt kostruzzjoni fil-Kroazja u mhux mistenni jibda jbaħħar qabel l-2025. Għalissa, Wells ikollu jistenna, imma bil-kumditajiet u l-ħajja lussuża li se jkun qed igawdi, żgur li tistenna tiswa.
Wells huwa eċitat li jkun jista’ jkompli bil-ħajja normali tiegħu filwaqt li jivvjaġġa madwar id-dinja. Jittama wkoll li jagħmel ħafna ħbieb ġodda fuq il-vapur, peress li se jkun qed jaqsam din l-avventura globali magħhom. Għal $2,000 (€1,587) fix-xahar, huwa jsostni li l-MV Narrative se joffri ħajja ħelwa ħafna. Titħajjar int?