Min kien idaħħqek l-iktar: Fantozzi jew Benny Hill?
Min għex is-snin ’80 u ’90 tas-seklu l-ieħor żgur li parti importanti minn ħajtu kienet it-televiżjoni. Kien żmien meta l-internet ma kienx għadu daħal fid-djar Maltin u t-tv bil-cable kien għad irid jiġi introdott ukoll. Mela l-għażla ta’ programmi u films li kellna disponibbli kienet dik bi tliet ilsna: il-Malti, l-Ingliż (u dawn fuq it-televiżjoni Maltija) u t-Taljan (permezz tal-kanali Rai u l-kanali li llum nafuhom bħala parti mill-Mediaset, mela Rete 4, Canale 5 u Italia 1). Xejn iktar.
Imma, minkejja li l-għażla tal-kanali televiżivi dak iż-żmien kienet relattivament limitata, il-programmi mwasslin permezz tal-lingwa Taljana kienu varjati ħafna. Fost dawn, dawk li għalqu l-erbgħin sena jew aktar żgur jiftakru l-films komiċi ta’ Fantozzi, interpretati mill-attur Taljan magħruf Paolo Villaggio (1932-2017). Il-persunaġġ ta’ Fantozzi kien dan il-ħaddiem sempliċi li kien jaħdem mal-istat jew f’xi fabbrika, jaqlagħha u jikolha, miżżewweġ mara u missier bint li tħares lejha twaħħxek. Fantozzi kien il-bezzul tipiku, imma xi drabi kien ikollu anki l-mumenti ta’ glorja u rebħiet tiegħu, minkejja li fl-aħħar mill-aħħar kien dejjem jaqlagħha hu.
Min ma jiftakarx films bħal Fantozzi (1975), Il secondo tragico Fantozzi (1976), Fantozzi contro tutti (1980), Fantozzi subisce ancora (1983), imma anki films oħra bħal Fracchia la belva umana (1981) u bosta oħrajn. Permezz tagħhom tgħallimna l-ilsien Taljan, dħaqna ħafna, imma xi drabi bkejna wkoll għax tħassarna s-sitwazzjonijiet li kien jirrappreżenta dan Fantozzi, sitwazzjonijiet reali u xejn sbieħ tassew.
Min-naħa l-oħra kien hemm komiku kbir ieħor li konna drajnieh sewwa fuq it-televiżjoni tagħna li konna nsegwuh kemm bl-Ingliż kif ukoll iddabbjat bit-Taljan. Qed nirreferi għall-attur Benny Hill (1924-1992) li ismu proprju kien Alfred Hawthorne Hill, u li min jaf kemm rajna episodji tal-Benny Hill Show u dħaqna miegħu ukoll. Kienet serje li bdiet fl-1955 u li nbiegħet f’140 pajjiż differenti, b’miljuni ta’ telespettaturi. Spiss konna narawh bħala r-raġel imqareb li jħobb jinki lin-nisa, liebes parrokki u persunalitajiet differenti.
Xi żmien kien dak! Kont issegwihom lil Fantozzi u Benny Hill?