Pitch tal-futbol 5-a-side jew gym miftuħ
Kemm minna jaħsbu li fl-irħula u fl-ibliet tagħna neqsin ħafna minn dawk l-ispazji fejn nistgħu nagħmlu l-eżerċizzju fiżiku jew nipprattikaw l-isport li nħobbu? Però, nafu wkoll li fejn dawn l-ispazji jeżistu ma jonqsux dawk il-Maltin u anki barranin li jimlewhom. Tara l-grawnds tal-futbol okkupati bi tfal, żgħażagħ u anki adulti jittrenjaw u jilagħbu din il-logħba tant għal qalbhom. Il-ftit basketball pitches li jeżistu – li naf bih hu dak ta’ Ta’ Qali – dejjem ikunu mifqugħin bin-nies jilagħbu flimkien. Dawn l-aħħar snin rajna jinfetħu wkoll xi pitches żgħar fejn l-entużjasti jistgħu jilagħbu l-padel jew il-pickle ball. U dan biex ma nsemmix il-pitches tat-tennis li ilhom jiġu użati mill-isportivi dilettanti ta’ dan l-isport.
Għalhekk mistoqsija li ġiet f’moħħi hija propju din: jekk il-kunsill lokali jsib spazju miftuħ li jista’ jagħtih lin-nies tal-post biex jeżerċitaw ruħhom fiżikament, x’tippreferi, pitch tal-futbol 5-a-side jew gym għall-miftuħ?
Hemm min jgħidlek li jippreferi pitch 5-a-side ladarba hawn bosta entużjasti tal-logħba tal-ballun li lesti li jħallsu dik ix-xiħaġa żgħira biex ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom spazju fejn jilagħbu siegħa sagħtejn, anki għad-dawl tal-fladlajts. Is-sabiħ ta’ dan l-isport hu li jiltaqgħu għadd ta’ ħbieb u konoxxenzi u jqattgħu flimkien naqra ħin jiġru, jilagħbu u jagħmlu mill-aħjar biex mhux jirbħu biss imma fuq kollox jieħdu gost u jaħlu naqra kaloriji sewwa. Imma hemm min jgħidlek: “Minn dawn il-pitches 5-a-side mhux diġà għandna mhux ħażin?”
Għalhekk hemm min jgħidlek li jippreferi li jinfetaħ gym għall-miftuħ li ftit għandna minnhom hawn Malta. Dan jeħtieġ ikun armat b’makkinarji apposta bħal bankijiet fejn tista’ terfa’ piżijiet differenti, roti jew cyclettes, pull up bars, piżijiet differenti biex jintrefgħu minn persuni ta’ saħħa differenti, threadmills, u l-bqija. F’Malta għandna ftit spazji żgħar bħal dawn imma hemm bżonn li nieħdu ħsiebhom b’manutenzjoni regolari wkoll.
Is-sabiħ ta’ dawn l-ispazji huwa li tista’ tara flimkiem mhux biss Maltin, imma anki barranin ta’ kull razza u kulur tal-ġilda, jikkomunikaw, jikkollaboraw u jitħalltu flimkien.
Inti x’tippreferi: 5-a-side jew open gym?