Preferenzi tal-Maltin bil-mod ta’ kif isiefru

 Preferenzi tal-Maltin bil-mod  ta’ kif isiefru

Minkejja li nistgħu ngħidu li l-istaġun tas-sajf wasal fi tmiemu, xorta waħda ma jfissirx li ħafna minna ħa nieqfu naħsbu dwar safar jew dwar il-post li biħsiebna nżuru d-darba li jmiss. Id-dinja moderna tippermettilna biex dawn il-vjaġġi lil hinn minn xtutna nkunu nistgħu nagħmluhom matul is-sena kollha.

Issa, kif nafu, hemm min jippreferi jivvjaġġa b’modi differenti. Illum bosta Maltin draw jaqbdulek il-ferry għal Sqallija u hemm iqattgħu minn jum sa ġimgħa. Bosta draw jitilgħu saħansitra bil-karozza tagħhom ħalli jkunu iktar ħielsa jmorru fejn jixtiequ u qabel ma jinżlu lura Malta jniżżlu l-ħwejjeġ u oġġetti oħrajn li jkunu għoġbuhom, forsi anki bi prezzijiet aħjar. Għal bosta l-ferry hija komda għax titla’ mill-ewwel fuqha u ssib fejn tpoġġi bla ħafna stennija fl-ajruport u mingħajr sitijiet ibbukkjati. Dejjem jekk it-temp jippermetti u l-baħar ikun kalm, it-traġitt minn Malta għal Sqallija huwa esperjenza rilassanti u sabiħa, u dan mhux eluf ta’ metri ’l fuq fis-sema!

Imbagħad hemm min jippreferi jibbukkja xi cruise li matul numru ta’ jiem jieħdok dawra fil-Mediterran u jagħtik l-opportunità tara bliet turistiċi ewlenin. Anki hawn, tħalli l-bagalji isfel u titla’ fuq il-vapur, ikollok il-kamra tiegħek, u ta’ kuljum filgħodu ssib ruħek f’post ġdid. Intant tkun tista’ tgawdi ikel kemm trid, il-pixxina, it-teatru, il-gym u bosta attivitajiet oħrajn. Hemm min forsi jbati mill-klawstrofobija u jibża’ jitla’ fuq cruise liner għax jgħidlek li l-kmamar huma żgħar u l-kuruturi dojoq u jkun hemm eluf ta’ nies. Imma…!

L-ajruplan għandu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu wkoll. Tagħmel mill-inqas sagħtejn tistenna fl-ajruport, spiss ikollok tissaporti xi delay, imbagħad hemm it-traġitt fl-ajru li xi drabi jaf ikun anki twil sigħat u mhux nieqes mill-iskossi. Dik li jkollok toqgħod bilqiegħda fi spazju limitatissimu għal sigħat flimkien ma’ mill-inqas iktar minn mitt passiġġier taf iddejjaq tassew lil dak li jkun. U xi ngħidu għat-take offs jew landings?! Hemm min iħoss widnejh ifaqqgħu jew l-għaraq kiesaħ ixoqq għalih.

Inti x’tippreferi u x’tiftakar minn esperjenzi bħal dawn?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com