Se tibda l-Università? 5 pariri biex tieħu ħsieb is-saħħa mentali

 Se tibda l-Università? 5 pariri biex tieħu ħsieb is-saħħa mentali

Meta tibda l-Università, tkun dieħel f’fażi eċitanti u anke ta’ sfidi ġodda f’ħajtek. Mal-Università jiġu responsabbiltajiet ġodda u anke emozzjonijiet ġodda. Biex ngħinuk f’din il-fażi ġdida f’ħajtek, hawn taħt se naqsmu miegħek ħames pariri essenzjali biex tieħu ħsieb is-saħħa mentali.

1. Stenna li se tħoss emozzjonijiet varji 

Meta tibda l-Università se tħabbat wiċċek ma’ mumenti fejn se tħossok eċitat, u oħrajn fejn se tħoss xi ftit ansjetà. Għandek bżonn iż-żmien biex tadatta għar-rutina ġdida u tagħmel il-konnessjonijiet li hemm bżonn. Għandek tkun paċenzjuż miegħek inniffsek, toħloq skeda li tinkludi ħin għall-istudju u anke għar-rilassament u tipprova tidħol fi gruppi u attivitajiet li jwassluk biex tiltaqa’ ma’ nies ġodda.

2. Ir-relazzjonijiet tiegħek kapaċi jinbidlu

Sakemm il-ħbieb tiegħek ma għażlux l-istess kors li għażilt inti, kapaċi tiġi f’punt fejn tagħmel ħbiberiji ġodda u anke tibdel iċ-ċirku tal-ħbieb.

3. Afda lilek inniffsek

Matul iż-żmien tiegħek tistudja se jkun hemm it-tlajja u l-inżul, u mhux dejjem se jkollok bżonn għajnuna professjonali biex tgħaddi minn ċertu sitwazzjonijiet. Ħafna drabi li jkollok bażi ta’ persuni li jissapportjawk u li tiddedika l-ħin neċessarju, jwassluk sabiex tissupera l-isfidi li jaf taffaċċja.

4. Ipprijoritizza li tieħu kura tiegħek inniffsek

Huwa importanti ħafna li tieħu ħsieb lilek inniffsek u tara li żżomm bilanċ f’ħajtek. Iddedika biżżejjed ħin għall-irqad, li tiekol san, l-eżerċizzju u attivitajiet li jgħinuk tirrilassa. Istabbilixxi rutina li twasslek sabiex tkun tista’ tikkontrolla aħjar mumenti ta’ stress, filwaqt li tibqa’ ffukat fuq l-għanijiet tiegħek.

5. Skopri sew ir-riżorsi disponibbli għalik fil-kampus

Tgħallem aktar dwar is-servizzi ta’ support li hemm l-Università, inkluż il-counseling, servizzi tas-saħħa u s-support akkademiku.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com