Tabelli u avviżi pubbliċi fit-toroq multilingwi. Xi tgħid?
Ftit taż-żmien ilu kont qed nitkellem ma’ persuna li għandha x’taqsam mat-tisbiħ u l-manutenzjoni tal-ispazji pubbliċi. Fakkritni f’kemm isir xogħol bħal ippjanar, amministrazzjoni, tqassim ta’ finanzi, u żjajjar fuq il-postijiet inkwistjoni, bla ma ħafna drabi jidher. Imbagħad jgħaddu x-xhur u jibda x-xogħol.
Huwa dan ix-xogħol li bosta drabi aħna naraw. U kemm ingorru sakemm ikun qed isir ladarba jieħu xhur twal biex jitlesta, kollox bil-lajma u f’ħinu. Trabijiet, inġenji ġejjin u sejrin, storbju, toroq jew bankini maqlugħin jew magħluqin, u l-bqija.
Imma fl-aħħar mill-aħħar ix-xogħol jitlesta, jiġi l-ministru jaqta’ ż-żigarella u jitteħdulu r-ritratti u l-videos għall-mezz tal-komunikazzjoni, u l-pubbliku jkun jista’ jibda jgawdi l-proġett: xi ġnien pubbliku, xi gym miftuħ jew playground għat-tfal, xi promenade bil-bankijiet u l-fanali jaħdmu bil-pannelli solari…
Dan huma kollha inizjattivi sbieħ u siewja tassew. Niftakru però li x-xogħol kollu li jkun sar ikun ġie ffinanzjat mit-taxxi tagħna stess, flus il-poplu. It-taxxi huma anki għalhekk: biex l-ambjent li ngħixu fih ikun sabiħ, nadif u xieraq għal poplu ċivili li jaħdem, huwa bieżel, u għalhekk ħaqqu l-aħjar anki meta joħroġ mill-bieb tad-dar.
Imma mbagħad nistaqsi: għaliex ikunu għaddew biss ftit jiem wara l-ftuħ tal-proġett u tibda tara kull tip ta’ atti vandali? Pjanti maqlugħin mill-ħamrija, fanali tad-dawl imkissra jew misruqin, bankijiet sprejjati jew maqsumin, chewing gum mormi fl-art li mbagħad isir dbabar suwed, karti, biċċiet tas-sigaretti u skart ieħor kullimkien. U minkejja li jkun hemm il-kameras tas-sigurtà rari jinqabad xi ħadd u jittella’ quddiem il-ġustizzja!
L-idea tiegħi hija din. Il-poplu għandu jiġi mfakkar permezz ta’ tabelli u notice boards pubbliċi li proġetti bħal dawn saru direttament minn flusu u għalih. Mela għandna nibżgħu għalihom. Għandu jkun hemm ukoll numri tat-telefown biex jekk xi ħadd jara xi irregolarità jċempel minnufih l-awtoritajiet ikkonċernati.
U ladarba sirna poplu multikulturali u multilingwi dawn it-tabelli u avviżi pubbliċi għandhom jinkitbu mhux biss bil-Malti u bl-Ingliż, imma anki f’ilsna oħra, dawk li nisimgħu regolarment mitkellma madwarna.
Inti x’taħseb dwar dan?