Tiftakar l-ewwel jiem tiegħek l-iskola?

 Tiftakar l-ewwel jiem tiegħek l-iskola?

Ftit jiem oħra u tiftaħ sena skolastika oħra li ttul mad-disa’ xhur. Eluf ta’ studenti ta’ kull età jerġgħu jibdew iqumu kmieni filgħodu biex imorru l-iskola u jerġgħu lura għar-reġim tal-lezzjonijiet, xogħol għad-dar u attivitajiet extrakurrikulari varji. Min hu xxurtjat biżżejjed jimxiha sal-iskola, imma min m’għandux din il-furtuna jkollu jqum iktar kmieni biex jaqbad il-vann jew tal-linja ħalli jasal l-iskola fil-ħin. Kollox fih it-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Min jgħid li l-vjaġġ fil-vann jew fil-kowċ hu negattiv?

Imma… Ix-xahar ta’ Settembru jaf ifakkar lil bosta f’dawk l-ewwel jiem li tant snin ilu rawna mmorru għall-ewwel darba l-iskola. Wisq probabbli, persuna importanti f’ħajjitna f’dak il-waqt kienet ommna li akkumpanjatna sad-daħla tal-iskola fejn kien hemm jistennewna l-kap tal-iskola u l-għalliema. Hemm min f’din l-okkażjoni twassal l-iskola min-nanna jew minn xi membru tal-familja ieħor bħall-aħwa.

Tant snin ilu niftakarni tiela’ dan it-taraġ tal-konkrit li dak iż-żmien kont narah wieqaf tassew, idi l-leminija f’id ix-xellugija ta’ ommi. Kien hemm żewġ bibien kbar lewn aħdar, imma kien miftuħ beraħ dak tax-xellug li minnu kienu deħlin il-ġenituri flimkien ma’ wliedhom. Niftakarni wkoll bħala tifel ta’ bejn erba’ u ħames snin inħares miblugħ madwari lejn il-kobor tas-sala fid-daħla tal-iskola.

Imbagħad telqet ommi u jiena u għadd ta’ tfal oħra daqsi, subien u bniet, tħallejna mal-għalliema żagħżugħa li ma niftakarx isimha u lanqas min kienet. Niftakar lis-sorijiet lebsin il-kannella li kienu jħabbru l-bidu u t-tmiem tar-rikreazzjoni b’qanpiena żgħira li kienu jdoqqu għal ftit sekondi. Imbagħad konna drajna ninġabru ringiela ringiela skont il-klassijiet differenti biex ngħidu t-talba qabel ma nidħlu għal lezzjonijiet.

Stampata f’moħħi għadha l-ewwel klassi li qatt dħalt fiha, hemmhekk f’tarf il-kurutur u qrib il-bitħa fejn konna nilagħbu. Kienet mimlija lwien: il-kuluri tal-ġugarelli li konna ngħaddu l-ħin permezz tagħhom, fosthom il-blocks ta’ daqsijiet differenti, imma anki l-lapsijiet u l-crayons li bihom konna npinġu.

L-ewwel jiem ta’ biki nsejnieh malajr u adattajna għar-rutina tal-iskola.

Inti hemm xi ħwejjeġ interessanti li tibqa’ tiftakar minn dak iż-żmien?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com