Tiftakruhom ir-wrestlers Amerikani tal-WWF?

 Tiftakruhom ir-wrestlers Amerikani tal-WWF?

Bħala tifel kont inħobb insegwi l-ġlied spettakolari tar-wrestling Amerikan li kien parti mill-WWF jew World Wrestling Federation. Dawk tal-età tiegħi konna naraw dawn l-ispettakli permezz tal-istazzjonijiet Taljani ta’ Berlusconi.

Qed insejħilhom spettakli, mhux ġlidiet, għax fuq kollox fir-ring fejn kienet issir il-konfrontazzjoni bejn l-aqwa wrestlers ma konniex naraw dmija mxerrdin. Minflok ir-wrestlers – li kienu ta’ kull daqs u forma, imma xi wħud minnhom kienu anki jilbsu xi kostum jew maskra partikolari – kienu jaqbżu mill-għoli, jagħmlu kutrumbasji, jagħtu bil-minkeb jew bil-ħarta, jerfgħu lir-rival tagħhom fuq spallejhom iduru 360 grad biex imbagħad jitfgħuh barra mir-ring, jieħdu ġirja minn naħa għall-oħra tar-ring, jissabbtu mal-ħbula tal-ġnub biex wara jieħdu rankatura diretta f’nofs żaqq ir-rival tagħhom, u bosta mossi atletiċi oħrajn.

Iva, apparti wrestlers professjonali, dawn kienu atleti u atturi kbar, u għalhekk kienu maħbubin minn miljuni ta’ fans u spettaturi madwar id-dinja kollha.

Jiena kont niċċassa quddiem dawk il-mossi kważi impossibbli jew inkellha li kont nara biss waqt xi film tas-supereroj! U kont nistaqsi dejjem, “Imma kif qatt ma jweġġgħu, u jibqgħu jqumu fuq saqajhom anki wara l-iktar daqqiet slavaġ li kienu jaqilgħu?” Filli wieħed mimli saħħa jagħti lill-ieħor li donnu spiċċa żorba u bla saħħa, u filli dan tal-aħħar bħal Lażżru jqum mill-mewt u jibda jfaqqa’ bl-addoċċ hu sakemm jitfa’ lill-ieħor fl-art, u viċiversa mill-ġdid.

Ġieli l-ispettaklu u t-tensjoni kienu jżidu meta r-wrestlers kienu jinżlu mir-ring, jaqbdu xi siġġu jew mejda tal-ġurija jew tal-ispettaturi u jibdew ifaqqgħu bihom fuq dahar ir-rival tagħhom! L-ispettaklu kien isir iktar interessanti meta f’daqqa waħda minflok żewġ ġellieda r-ring kien jimtela b’erbgħa jew sitt wrestlers kollha jagħtu u jaqilgħu bl-addoċċ, xi drabi bir-referee wkoll jispiċċa vittma tagħhom.

Kien spettaklu bejn terrifikanti u bejn tad-daħq!

Fost ir-wrestlers li kienu jispikkaw niftakar lil Hulk Hogan, Andrè the Giant, The Undertaker, u aktar tard ġew ukoll John Cena, Dwayne “The Rock” Johnson u Dave Bautista, li wara ħadmu wkoll bħala atturi f’films magħrufin.

Liema kien ir-wrestler favurit tiegħek?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com