Tinbiegħ biċċa xogħol ta’ arti inviżibbli
Qatt tixtri ħut fil-baħar. Dan hu wieħed mill-qwiel Maltin, li bejn wieħed u ieħor ifisser li qatt m’għandek tixtri xi ħaġa li m’intix qiegħed tara. Imma jidher li mhux kulħadd jaħsibha hekk, hekk kif raġel xtara biċċa arti għal prezz ta’ aktar minn tmintax-il elf Dollaru, minkejja li ma kienx qiegħed jara din il-biċċa xogħol ta’ arti
Jekk forsi qiegħed tifhem li l- artist kien ser inewwillu l-biċċa tal-arti aktar tard, mela qed taħseb ħażin. Dan għaliex il-biċċa tal-arti li nbiegħet hija biċċa xogħol inviżibbli. Imma tajjeb li tkunu tafu, li x-xerrej ingħata ċertifikat li jikkonferma l-awtentiċita ta’ din il-biċċa xogħol tal-arti
Skont uħud, dan il-bejgħ stramb juri illi l-arti hija xi ħaġa li tiffoka fuq l-ideat li jkollu l-artist, aktar milli fuq l-oġġett nnifsu. F’dan il-każ partikolari, l-idea ta’ dan l-artist kienet li jbiegħ skultura inviżibbli, aktar milli jbiegħ skutura kif nafuha lkoll.
Jekk qed jgħaddi minn moħħkom il-ħsieb li tixtru x waħda simili, tajjeb li nsemmu li l-artist u l-moħħ wara dan il-bejgħ huwa t-Taljan Salvatore Garau, artist minn Sardinja illi għandu madwar sebgħin sena
U jekk qed taħsbu illi Garau huwa xi ħadd illi mhux veru hu artist, għandkom żball. Dan għaliex Salvatore Garau huwa aktar minn artist, għax apparti li huwa skultur, Garau huwa ukoll mużiċist
Ma nistgħux ngħidu li l-biċċa xogħol tal-arti maħluqa min Garau tpaxxi l-għajnejn , imma żgur li biex tgawdiha jkollok tħaddem l-immaġinazzjoni