Tislima lill-Professur Charles Briffa, leħen familjari fuq ir-radju u t-televiżjoni

 Tislima lill-Professur Charles Briffa, leħen familjari fuq ir-radju u t-televiżjoni

Proprju f’Jum l-Indipendenza, il-21 ta’ Settembru 2024, ħalliena wieħed mill-iktar akkademiċi prolifiċi li qatt kellna. Il-Professur Charles Briffa kellu 73 sena. Huwa twieled fis-16 ta’ Lulju 1951 u għal bosta snin għallem il-letteratura Maltija, it-teorija u l-prattika tat-traduzzjoni fl-Università ta’ Malta. Kien kritiku letterarju, riċerkatur tal-Malti, lingwista, u traduttur.

Charles Briffa studja fl-Università ta’ Malta u fl-Oklahoma State University. Beda l-karriera bħala għalliem fil-Kulleġġ ta’ Stella Maris, u aktar tard kiseb Ċertifikat fl-Edukazzjoni (PGCE) biex mar jgħallem fl-iskejjel tal-Istat. Kiseb ukoll Dottorat fil-Malti. Għallem f’kull livell, mill-Primarja sal-Università, suġġetti bħall-Malti, l-Ingliż, l-Għarbi u s-Systems of Knowledge.

Bosta jiftakruh bħala bniedem ta’ għerf kbir imma fl-istess ħin umli u lest jitkellem ma’ kulħadd. Għallem mijiet ta’ studenti fid-Dipartiment tal-Malti u aktar tard tat-Traduzzjoni  fl-Università ta’ Malta. Ħafna iktar jiftakruh bħala personalità ewlenija kemm fuq it-televiżjoni kif ukoll fuq ir-radjijiet lokali, fosthom Campus FM u RTK 103, fejn kien jitkellem u jaqsam għerfu dwar l-isbuħija tal-Ilsien Malti. Min jaf kemm wieġeb mistoqsijiet f’rabta mal-istorja ta’ lsienna u l-etimoloġija (l-oriġini) ta’ mijiet ta’ kliem Malti, li mbagħad ġabar f’volumi interessanti bħal Il-Ġrajja wara l-Kelma (2018), Ġrajjiet il-Kliem: Koktejl Lingwistiku (2019), Il-Ġrajja ssir Kelma (2022), u Ġrajjiet il-Kliem: Qadim u Tekniku (2023).

Kiteb ukoll estensivament u għandu għadd sabiħ ta’ monografiji kritiċi ddedikati lil kittieba u poeti Maltin ewlenin, fosthom Dun Karm, Oliver Friggieri, Victor Fenech, Paul P. Borg, Mario Azzopardi, Charles Casha, Rena Balzan, u Louis Briffa. Kiteb ukoll bosta daħliet kritiċi għal rumanzi, ġabriet ta’ novelli u rumanzi miktubin mill-pinna ta’ kittieba u poeti Maltin u Għawdxin differenti, li spiss kien jaqra personalment waqt il-lejliet ta’ tnedija tagħhom f’siti differenti.

Charles Briffa serva bħala President tal-Akkademja tal-Malti (2000-2004) u anki bħala Uffiċjal Prinċipali tat-Taqsima tal-Arti fil-Matsec Support Unit. Kien ukoll membru attiv fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Fl-2020 inħatar bħala Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu (MOM) għas-sehem tiegħu fl-istudju tal-Malti u l-letteratura.

Għandek xi aneddotu x’taqsam magħna dwar il-Prof. Charles Briffa?

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com