Tlifna l-vuċi ta’ Mufasa u Darth Vader
Għal uħud minnkom, James Earl Jones jaf mhuwiex xi isem popolari. Imma jekk ngħidulkom Mufasa jew Darth Vader? Apparti l-karattri, żgur tiftakru fl-ilħna partikulari tagħhom.
Il-vuċi ta’ dawn iż-żewġ karattri tant popolari huwa misluf mingħand Jones, li ħalliena fid-9 ta’ Settembru 2024 fl-età sabiħa ta’ 93 sena. Kellu leħen kontrabaxx, li kien ikoniku u jagħti dik ix-xeħta drammatika u qawwija fil-partijiet li interpreta matul il-karriera mifruxa fuq 60 sena.
L-attur li libes il-kostum ta’ Darth Vader kien David Prowse imma l-ħallieq ta’ Star Wars, George Lucas, ried vuċi profonda, drammatika, u l-leħen ta’ James Earl Jones daħal kexxun. Tajjeb ngħidu li Jones u Lucas mhux dejjem qablu fuq l-interpretazzjoni għax tal-ewwel xtaq jagħti ton iktar sottili, psikoloġiku, u l-ieħor ried ton iktar monotonu.
F’The Lion King, Jones bata sakemm fehem x’jitlob ir-rwol ta’ Mufasa. Għall-bidu tah vuċi serja u rjali, imma fehem li xtaquh ikun iktar naturali, ta’ missier, kif iġib ruħu hu ma’ wliedu. Biddel it-ton u l-animaturi inkorporaw il-fattizzi ta’ wiċċu fl-animazzjoni ta’ Mufasa biex, anki minħabba l-vuċi, jinħass missier ta’ awtorità imma ġentili.
Kont taf li Jones kien ilaqlaq fi tfulitu u bilkemm kien jitkellem l-iskola? Mela kif sar daqshekk popolari? Bl-għajnuna ta’ għalliem tal-poeżija l-iskola rikeb dan id-difett bil-qari mgħajjat tal-poeżiji. U mnalla għax gawdejnieh fit-teatru, fuq it-televixin u anki fiċ-ċinema mal-200 darba.
James Earl Jones miet, imma leħnu u l-ħiliet teatrali tiegħu se jibqgħu ħajjin!