Xiri barra minn xtutna…
Ċert li das-sajf kien hawn bosta Maltin li għażlu li jmorru barra minn Malta mhux biss biex jibdlu l-ambjent u jgawdu btala f’post differenti, imma anki biex jagħmlu s-shopping. Jiena nistaqsi: għaliex din il-fissazzjoni tagħna l-Maltin bix-shopping barra minn Malta u meta ssemmilhom postijiet bħal Sqallija, Londra, Ruma u oħrajn għajnejhom bħal jixegħlu u taralhom tbissima minn widna sa widna? Mela hawn Malta m’għandniex ħwienet bħal dawn?
Kemm minna meta niġu biex insiefru ntellgħu magħna anki xi bagalja nofsha vojta sabiex inkunu nistgħu nniżżlu magħna l-ħwejjeġ li nixtru minn ħwienet li ma nsibux Malta bi prezzijiet anki inqas? Semmilna ħwienet u ċentri kummerċjali bħal Pennys jew Primark, H&M, Selfridges, Sports Direct, Foot Locker, Oviesse, Coin, La Rinascente, Centro Sicilia, Sicilia Outlet Village u oħrajn, u li kien għalina nagħmlu jumejn jew tlieta norqdu hemm induru minn ħanut għall-ieħor.
Issa, għalkemm Malta għandna xi ftit ħwienet jew ċentri li jbigħu affarijiet u ħwejjeġ simili għal dawk li nsibu barra, ir-realtà hija li xorta waħda għandna nuqqas kbir minnhom u l-għażla hija limitata ħafna. Kif tidħol f’xi ħanut minn dawn barra minn Malta jolqtok mill-ewwel il-kobor tiegħu, imma anki l-għażla vasta ta’ affarijiet disponibbli, inklużi varjetà, qisien u mudelli ta’ ħwejjeġ differenti.
Hemm min ifittex l-outlets fejn tista’ tixtri l-affarijiet tad-dar, inklużi għamara, purtieri, appliances, fajjenza u l-bqija. Anki hawn l-għażla hija vasta u l-prezzijiet spiss aħjar. L-istess jekk tidħol fi ħwienet kbar li jbigħu affarijiet marbutin mal-ġardinaġġ. Kull fejn iddur tara affarijiet li jew ma ssibhomx Malta jew inkella ssib għażla limitata ħafna tagħhom.
Imbagħad xi ngħidu għall-preżentazzjoni u t-tqassim tal-oġġetti għall-bejgħ f’dawn l-istess outlets? Tolqtok l-organizzazzjoni tat-taqsimiet differenti, il-preżentazzjoni tal-kuluri, il-prodotti għall-bejgħ kif jitqiegħdu fil-vetrini, fuq l-ixkaffi, anki matul is-swali mdawlin u li jilqgħuk!
U biex tkompli żżid l-interess tara anki kotba ’l hawn u ’l hemm marbuta mas-suġġett imferrxin fiż-żoni differenti, skont il-prodott esebit, flimkien ma’ xi kafetterija li toffrilek ftit mistrieħ ukoll.
Inti x’taħseb dwar dan kollu?