X’tifhem bil-frażi “L-aħħar tad-dinja”?

 X’tifhem bil-frażi “L-aħħar tad-dinja”?

Kemm-il darba smajna bil-frażi “L-aħħar tad-dinja”? Min jaf, forsi aktar fl-imgħoddi milli llum kienu jbeżżgħuna bl-aħħar tad-dinja, dejjem jekk ma nġibux ruħna kif suppost. Kif kienu jimmaġinawh l-aħħar tad-dinja fl-imgħoddi? Kien iż-żmien meta l-allat kellhom iktar importanza fil-ħajja ta’ kuljum tal-bniedem u għalhekk l-aħħar tad-dinja bosta kienu jimmaġinawh b’xi alla jew allat tat-twerwir neżlin fid-dinja jitfgħu s-sajjetti jew jarmu n-nar jew jibagħtu xi pandemija jew iktar li teqred lill-umanità fi ftit xhur.

L-aħħar tad-dinja hija tema ttrattata kemm fil-letteratura kif ukoll fiċ-ċinema. Niftakar film ibbażat fuq rumanz ta’ H.G. Wells bl-isem ta’ War of the Worlds, li tiegħu hemm verżjonijiet ċinematografiċi differenti. Fl-2009 kien ħareġ il-film katastrofiku 2012 fejn rajna d-dinja tinqaleb ta’ taħt fuq, l-ibħra jieħu post l-art u viċiversa, l-art tieħu post fejn ftit qabel kien hemm l-oċeani.

Nies ta’ ċerta età jiftakru film bħal Armageddon (1998), bl-atturi Bruce Willis, Ben Affleck u Liv Tyler. Kien film li jirrakkonta sitwazzjoni fejn id-dinja kienet mhedda minn asterojde kbira li fi ftit jiem kienet se tolqotha u teqred l-umanità sħiħa.

Imma eżattament x’nifhmu bl-aħħar tad-dinja? Nafu li miljuni ta’ snin ilu d-dinja ntlaqtet minn meteora li qerdet l-era tad-dinosawri. Imma d-dinja bħala globu kif nafuha baqgħet ħajja u rnexxielha tirriġenera ruħha mill-ġdid u reġgħet b’saħħitha l-ħajja. Mela l-aħħar tad-dinja jfisser li tispiċċa u tinqered darba għal dejjem id-dinja sħiħa, jew li ma nibqgħux aħna bħala bnedmin fuq wiċċ id-dinja?

Noqogħdu naħsbu ftit dan mhux daqstant impossibbli: il-bdil fil-klima globali, l-uragani, terremoti u tsunami li qed jiżdiedu dejjem iktar, it-theddida tal-gwerer kullimkien, il-pandemiji li jinqalgħu minn żmien għal żmien u jieħdu magħhom eluf jew miljuni ta’ bnedmin, il-mard li kontra tiegħu għadna ma sibniex kura effettiva…

U kemm żdiedu l-films u s-serje televiżivi taż-zombies f’dawn l-aħħar snin? Dik mhix l-aħħar tad-dinja? Imma intant bosta minna nedhew bi spettakli bħal dawn u ninsew li m’aħniex daqstant ’il bogħod minn sitwazzjonijiet koroh bħal dawn.

Inti x’tifhem b’“L-aħħar tad-dinja”?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com