X’tiftakar miż-żmien meta konna nitgħallmu l-Għarbi bilfors?
Min illum għandu dawk il-50 sena, ftit inqas jew ftit iktar, jiftakar żgur dak iż-żmien meta fit-tmeninijiet l-istudenti tas-sekondarja kellhom bilfors jitgħallmu l-ilsien Għarbi. Kien żmien meta kien hemm ċertu ftehim bejn Malta u l-Libja u naħseb li waħda mill-affarijiet li kienu juru ċerta kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi kienet dik li l-istudenti Maltin ikollhom għarfien bażiku tal-lingwa Għarbija klassika.
Dan biex ma nsemmux il-mijiet ta’ rġiel u żgħażagħ Maltin li dak iż-żmien kienu jaħdmu fuq ir-rigs taż-żejt, bosta minnhom fid-deżert mhux daqstant ’il bogħod minna.
Insomma, mijiet ta’ studenti fil-bidu u f’nofs it-tmeninijiet kienu jitgħallmu l-Għarbi bħala wieħed mis-suġġetti ewlenin fil-kurrikulu tagħhom. Kemm minna konna lqajna din id-deċiżjoni b’mod pożittiv? Min jaf kemm minna bagħtu jixxejru lil dawk fl-awtorità li ħarġu b’idea bħal din!
Imma llum li nħares lura taqbadni ċerta nostalġija u bħala bniedem li nħobb l-ilsna jiddispjaċini li ma komplejtx nistudja l-Għarbi wkoll, flimkien mat-Taljan, il-Franċiż, u l-Latin. Naf min kompla jistudja dil-lingwa anki f’livell universitarju u b’hekk kellu opportunità jaħdem fil-qasam tad-diplomazija internazzjonali għal snin kbar.
X’niftakru minn dawk is-snin f’rabta mal-Għarbi? Dawk li kienu jattendu l-Liċeo Vassalli f’Tal-Ħandaq iħobbu jsemmu lill-għalliem Żribi. Jiena għandi idea vaga tiegħu u ġieli ġejt wiċċ imb wiċċ miegħu fil-kurituri jew bejn blokk u ieħor fil-ħin meta nkunu qed nibdlu minn lezzjoni għal ta’ warajha. Niftakru liebes il-ġlekk, kważi dejjem l-istess wieħed. Lili qatt m’għallimni. Minfloku kelli x-xorti jgħallimni għalliem iktar żagħżugħ mit-Tuneżija, is-Sur Karma konna nsejħulu. Kien jaf imur tassew tajjeb magħna l-istudenti żgħazagħ, minkejja li xi drabi kien hemm min iqabbiżhielu wkoll.
Konna nitgħallmu l-kliem l-iktar bażiku: fost dawn niftakar ‘kitaab’ (ktieb), ‘sajjaratun’ (karozza), ‘xukran’ (grazzi), u ‘kattatun’ (qattus). Konna niktbu bosta esejs biex insibuhom lesti għall-eżami, nitgħallmu bl-amment il-konjugazzjonijiet, u spiss konna nkantaw kanżunetta ħafifa bil-Għarbi: “Diki diki anta sadiki…” (Serduq serduq, inti ħabibi…) Tiftakruha?
X’imkien għad għandi ritratt mal-klassi flimkien mas-Sur Karma.
L-esperjenza tiegħek tat-tagħlim tal-Għarbi kienet sabiħa jew kerha?